Lokali

L-OHSA tappella għall-prijorità favur il-ħajja

Qed tinbet kultura fejn jittieħdu ritratti jew filmati ta’ xi azzjoni perikoluża minflok ma jkunu nfurmati l-awtoritajiet konċernati biex tkun salvata l-ħajja ta’ individwu. Minflok, qed tingħata aktar prijorità li r-ritratti jew il-filmati jkunu mxandra fuq il-media soċjali.

Din iċ-ċanfira waslet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol (OHSA) fi tweġiba għal numru ta’ mistoqsijiet mibgħuta minn NET News. L-Awtorità qalet li ma riditx tidħol fil-mertu tal-każ partikolari li seħħ fl-aħħar jiem f’Tas-Sliema minħabba li għadha għaddejja l-Inkjesta Maġisterjali.

Għaldaqstant, l-OHSA ma weġbitx lanqas jekk kienx hemm żviluppi fl-investigazzjonijiet dwar il-każ. Min-naħa l-oħra, għall-mistoqsija dwar ir-responsabbiltajiet f’każi bħal dawn, l-OHSA appellat biex kulħadd josserva r-regolamenti – kemm il-klijent, kif ukoll il-kuntrattur, is-supervisor tal-proġett, is-self-employed u anke l-ħaddiem.

Dwar l-użu tal-pont, li hu wieħed mill-fatturi komuni għal inċidenti f’siti tal-kostruzzjoni, l-OHSA qalet li għalkemm l-użu tal-pont mhux rakkomandat, wieħed għandu jużah biss meta ma jkunx jista’ jaħdem b’metodi aħjar.

Elenkat ukoll il-kriterji li bihom ikun jista’ jintuża’ l-pont, fosthom li l-apparat kollu jkun f’kundizzjoni tajba u jiflaħ għal dak il-għan, kif ukoll li dawn ikunu spezzjonati qabel jintrama minn persuna kompetenti. L-OHSA qalet ukoll li l-pont għandu jkun ankrat sew ma’ postijiet sodi u adattati.