Il-finalisti tal-istaġun li għadda Liverpool jinsabu qrib li jkunu eliminati wara li sfaw megħluba 2-1 minn PSG f’Parc des Princes biex issa Liverpool iridu bilfors jirbħu kontra Napoli. JUAN BERNAT fetaħ l-iskor fit-12-il minuta meta ħa vantaġġ minn indeċiżjoni fid-difiża ta’ Liverpool u skorja b’xutt fil-baxx. PSG irduppjaw fis-37 minuta meta Alisson salva parzjalment konklużjoni ta’ Edinson Cavani, b’NEYMAR jiskorja minn rebound wara kross ta’ Kylian Mbappe. Liverpool daħlu fil-logħba qabel tmiem l-ewwel taqsima b’penalty ta’ JAMES MILNER wara fawl ċar ta’ Angel Di Maria fuq Sadio Mane.
Napoli jinsabu qrib li jikkwalifikaw b’rebħa ta’ 3-1 fuq Red Star Belgrade fi Stadio San Paolo. MAREK HAMSIK fetaħ l-iskor mill-viċin fil-11-il minuta u DRIES MERTENS irdoppja b’opportuniżmu fit-33 minuta. L-istess DRIES MERTENS għalaq il-logħba fit-52 minuta b’xutt sabiħ, b’EL FARDOU BEN NABOUHANE jnaqqas id-distakk ħames minuti wara.
Tottenham baqgħu jittamaw li jikkwalifikaw minn Grupp B meta għelbu lil Inter 1-0 f’Wembley Stadium. Il-gowl rebbieħ wasal fit-80 minuta f’azzjoni maħduma minn Moussa Sissoko li għadda mil-lemin u qassam għan-nofs lejn Dele Alli li kompla lejn CHRISTIAN ERIKSEN li spara wara Samir Handanovic.
Mill-istess grupp Barcelona assiguraw li jispiċċaw fil-quċċata b’rebħa ta’ 2-1 kontra PSV. LIONEL MESSI fetaħ l-iskor fil-61 minuta b’azzjoni personali fi spazju ristrett biex GERARD PIQUE rdoppja disa’ minuti wara meta xellef free-kick fil-baxx. LUUK DE JONG naqqas id-distakk fit-83 minuta b’daqqa ta’ ras.
Atletico Madrid u Borussia Dortmund aċċertaw mill-kwalifikazzjoni minkejja riżultati differenti. L-Ispanjoli komplew il-problemi ta’ Thierry Henry fit-tmexxija ta’ Monaco b’rebħa ta’ 2-0. KOKE fetaħ l-iskor wara żewġ minuti b’xutt li kien imxellef, biex ANTOINE GRIEZMANN irdoppja fl-24 minuta b’xutt mill-kaxxa ż-żgħira. Borussia Dortmund spiċċaw 0-0 kontra Club Brugge.
Porto huma r-rebbieħa ta’ Grupp D wara li għelbu lil Schalke 3-1, bit-tim Ġermaniż jikkwalifika xorta. EDER MILITAO fetaħ l-iskor fit-52 minuta b’daqqa ta’ ras u JESUS CORONA rdoppja l-iskor tliet minuti wara f’azzjoni maħduma tajba. Penalty ta’ NABIL BENTALEB fid-89 minuta fetaħ il-logħba iżda MOUSSA MAREGA għalaq il-logħba fl-94 minuta meta qabbeż fuq il-gowlkiper avversarju.
Lokomotiv Moscow kisbu l-ewwel rebħa meta f’darhom għelbu 2-0 lil Galatasaray. Awto-gowl ta’ Ryan Donk fit-43 minuta poġġa lir-Russi minn fuq, biex Vladislav Ignatiev irdoppja fl-54 minuta b’xutt mill-viċin.
Riżultati kollha
Grupp A – Atletico Madrid v Monaco 2-0, Borussia Dortmund v Club Brugge 0-0
Grupp B – PSV v Barcelona 1-2, Tottenham v Inter 1-0
Grupp Ċ – PSG v Liverpool 2-1, Napoli v Red Star Belgrade 3-1
Grupp D – Lokomotiv Moscow v Galatasaray 2-0, Porto v Schalke 3-1
//= $special ?>