Lokali

Mitejn miljun raġuni għalfejn Konrad Mizzi għandu jirriżenja – Adrian Delia

Il-mitejn miljun ewro li l-poplu Malti u Għawdxi qed iħallas iktar għall-enerġija mill-gass huma l-mitejn miljun raġuni għaliex Konrad Mizzi għandu jitlaq.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddikjara dan ftit tal-minuti wara li fil-Parlament tqiegħed ir-rapport tal-Awditur Generali – li investiga l-kuntratt tal-proġett tal-power station tal-gass.

F’konferenza tal-aħbarijiet qal li r-rapport li tpoġġa fuq il-mejda illum hu frott ta’ dak li l-oppożizzjoni kienet bagħtet sabiex jiġi investigat minn entita kostituzzjonali.

Kompla jgħid li l-awditur ikkonferma li l-ftehim tal-power station qed jiswa’ mitejn miljun aktar fis-sena mill-interconnector li kien proġett ta’ Gvern Nazzjonalista. Dan ikompli jżid mar-raġunijiet għalfejn Konrad Mizzi għandu jirriżenja.

Delia kompla jgħid li l-kuntratt tal-Electrogas kien imbagħbas sa mill-ewwel ġurnata. Dawn l-allegazzjonijiet juru li Brian Tonna kien it-team leader fl-evaluation commitee jiġifieri dak li wassal biex jiddeċiedi min se jieħu dak il-kuntratt. F’kelma oħra, il-persuna li ddeċidiet min se jieħu l-kuntratt, spiċċa l-awditur ta’ min ħa l-kuntratt.

“Il-prezz tal-korruzjoni qed iħallsuh il-Maltin u l-Għawdxin,” kompla jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni, għaliex għal €2.33 żieda, il-Gvern pjana li jisraqna mitejn miljun kull sena għal 18-il sena għaliex il-prezz tal-gass huwa ħafna aktar għola minn dak li felaħ il-Gvern.

Id-dokument jixhed li Joseph Muscat ma jistax jibqa’ jaħrab u Konrad Mizzi ma jistax jibqa’ hemm għaliex kull ġurnata li jibqa’ hemm ser jibqa’ jisraqna il-miljuni.

Id-dokument li ġie ppreżentat juri li kull min tefa’ offerta kien qed jiġi trattat b’mod differenti, skont kif jaqbel għal Brian Tonna, iddikjara Adrian Delia.

Fakkar kif il-Gvern ta’ Joseph Muscat ried li jagħti dan il-kuntratt lill-Electrogas tant li għażel li minflok il-Ministru tal-Enerġija, li kien Joe Mizzi, jieħu ħsiebu l-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi.

Adrian Delia għalaq billi qal li n-nies qed jindunaw li l-ħin li Joseph Muscat jidħaq bin-nies ser jieqaf u wasal iż-żmien li jagħti rendikont ta’ għemilu lill-pajjiż.