Futbol Sport

Qormi jissorprendu liċ-champions Valletta St Pauls u jiksbu l-ewwel rebħa

(Ritratt: Warren Sammut)

Rapport: Robert Busuttil

Gowl uniku ta’ Aidan Caruana kien biżżejjed biex it-tim promoss ta’ Qormi Hotspurs jieħdu l-ewwel rebħa tal-kampjonat meta ħasdu liċ-champions Valletta St Pauls u rebħulhom bl-iskor ta’ 1-0. Minkejja li ma kinux fl-azzjoni, il-leaders tal-Ewwel Diviżjoni baqgħu Versity AFC wara li l-eqreb rivali tagħhom Senglea Gunners ma rnexxielhomx jirbħu lil San Ġiljan Saints.

Wara t-telfa umiljanti ta’ 7-0 li dabbru ż-żgħażagħ Qriema fl-aħħar ħarġa tagħhom kontra San Ġiljan Saints, huma qamu għall-okkażjoni u laqgħu tajjeb l-attakki inizjali Beltin. Wara din it-tieni telfa staġjonali, is-St Pauls jinsabu t-tielet mill-aħħar fil-klassifika wara erba’ logħbiet. Il-gowl tar-rebħa wasal fil-55 minuta meta kien Jean Alesi Spiteri li fajjar xutt li l-gowlkiper ta’ Valletta St Pauls Jianiro Camilleri laqa’ iżda ma żammx sabiex pront daħal Aidan Caruana li xeħet il-ballun fix-xibka.

F’partita oħra ferm divertenti, San Ġiljan Saints u Senglea Gunners spiċċaw fi draw ta’ 1-1. Senglea marru minn fuq mas-siegħa logħob minn penalty ta’ George Frendo iżda San Ġiljan ġabu d-draw fis-70 minuta minn penalty ieħor skorjat minn Michael Hennessey.

B’gowls f’kull taqsima, Marsa St Michael ftit batew sabiex għelbu lil Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 4-0 biex kisbu t-tieni rebħa staġjonali. Bħas-soltu spikka ferm il-plejer Brażiljan Ricardo Severino li skorja doppjetta f’dan il-konfront. Kien l-istess plejer li poġġihom fil-vantaġġ fit-23 minuta sabiex Robert Perkins irdoppja l-iskor mal-35 minuta. Fit-42 minuta kien Nikolay Filipov li għamilhom 3-0 sabiex proprju lejn l-aħħar Marsa ngħataw penalty li minnu skorja Ricardo Severino.

Mill-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni, Fleur de Lys CFK ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Mqabba Albions. Mqabba marru fil-vantaġġ fit-tieni taqsima meta wara kross fil-baxx, id-difiża ta’ Fleur de Lys dehret maħsuda sabiex pront daħal Jake Gower li kompla għal ġewwa. Fleur de Lys wettqu reazzjoni tajba u għamlu l-iskor indaqs meta kien Dylan Bonnici li xxuttja bil-gowlkiper Daniel Buttigieg isalva b’mod spettakolari sakemm daħal Glenn Bonello li mir-rebound xeħet il-ballun fix-xibka.

Balzan Youths kisbu l-ewwel rebħa tagħhom meta ġabu fix-xejn lil Marsaxlokk AFC u rebħulhom 4-0. Kienet wirja kollettiva mit-tim immexxi minn Kevin Curmi li lagħbu logħba ferm tajba. Huma skorjaw fil-bidu tal-partita meta kien Despatovic li xxuttja bil-gowlkiper jilqa’ iżda ma jżommx sabiex daħal Gianmarco De Rosa li mill-viċin ma falliex. Huma rdoppjaw l-iskor b’azzjoni personali ta’ Simon Mizzi u skorjaw it-tielet gowl minn Anthony Spiteri. Il-Balzanin għaqqdu l-poker meta Spiteri qassam lil John Montebello li skorja minn quddiem il-gowlkiper.

Valletta Stars irritornaw għar-rebħ meta kisbu rebħa komda ta’ 3-0 kontra Mosta Vikings. Kien Charlo Scicluna li skorja l-ewwel gowl tal-partita meta rċieva ballun mingħand Mohammed Khalid sabiex Juan Scerri żied ieħor wara serje ta’ passaġġi li sab lid-difiża tal-Vikings maħsuda. Fit-tieni taqsima, il-logħba dehret mirbuħa u mitlufa u kienu l-Beltin li żiedu ieħor lejn l-aħħar minn Juan Scerri.

L-Ewwel Diviżjoni

Riżultati: Senglea G. v San Ġiljan S. 1-1, Valletta SP v Qormi H. 0-1, Marsa SM v Naxxar V. 4-0

Klassifika: Versity AFC 9 punti, Marsa St Michael 8 punti, Seglea Gunners 8 punti, San Ġiljan Saints 7 punti, Valletta St Pauls 4 punti, Qormi Hotspurs 3 punti, Naxxar Victorians 0 punti

It-Tieni Diviżjoni

Riżultati: Balzan Y. v Marsaxlokk AFC 4-0, Mqabba A. v Fleur de Lys 1-1, Valletta S. v Mosta V. 3-0

Klassifika: Fleur de Lys CFK 10 punti, Żurrieq Sunrise 7 punti, Valletta Stars 6 punti, Mosta Vikings 6 punti, Marsaxokk AFC 6 punti, Balzan Youths 4 punti, Mqabba Albions punt

Tags