Futbol Sport

Robbie Keane jirtira minn plejer u jibda l-karriera bħala kowċ

Robbie Keane ħabbar li rtira minn plejer tal-futbol wara li nħatar assistent kowċ tat-tim nazzjonali Irlandiż taħt it-tmexxija ta’ Mick McCarthy. Keane li għandu 38 sena beda l-karriera ma’ Wolves fl-1997 u lagħab ma’ diversi klabbs bl-aktar esperjenza li tispikka tkun dik ma’ Tottenham fejn lagħab magħhom mill-2002 sal-2011, bl-eċċezzjoni ta’ staġun ma’ Liverpool.

Hu skorja 325 gowl f’737 logħba mal-klabbs kollha li lagħab u rrappreżenta lill-Irlanda 146 darba u skorja 68 gowl biex sar l-aqwa skorer ta’ pajjiżu. Keane rtira biex jiffoka fuq l-irwol il-ġdid. Kien proprju McCarthy li ta d-debutt internazzjonali lil Keane fl-1998 kontra r-Repubblika Ċeka. Matul din l-esperjenza l-Irlanda waslet mal-aħħar 16 fit-Tazza tad-Dinja tal-2002.

L-Irlanda tkun taf l-avversarji tagħha għall-fażi ta’ kwalifikazzjoni għal Euro 2020 fil-poloz tal-Ħadd li ġej f’Dublin.