Sport Waterpolo

Valletta United iħabbru l-akkwist importanti ta’ Miguel Zammit mingħand Neptunes

Miguel Zammit flimkien mal-President ta' Valletta Victor Spiteri
Il-captain Daniel Paolella jġedded il-kuntratt

Valletta United għamlu akkwist importanti hekk kif ħabbru l-akkwist taż-żagħżugħ Miguel Zammit mingħand Neptunes. Il-plejer ta’ 21 sena ffirma kuntratt ta’ erba’ snin.

Zammit stabilixxa ruħu fl-iskwadra ewlenija ta’ Neptunes fl-2016 meta flimkien ma’ Jeremy Abela kienu s-sorpriżi pożittivi fil-mixja tat-tim biex rebaħ il-kampjonat. Minn dak iż-żmien, Zammit baqa’ plejer regolari u kien parti wkoll mit-tim ta’ Neptunes li rebaħ il-kampjonat ta’ din is-sena.

Fl-2016 Zammit skorja seba’ gowls fil-kampjonat tas-sajf, filwaqt li s-sena l-oħra u din is-sena skorja disa’ gowls. F’dawn it-tliet staġuni bħala regolari fit-tim, Miguel Zammit rebaħ żewġ kampjonati ma’ Neptunes.

Dan l-akkwist isegwi dak ta’ Peter Borg mingħand San Ġiljan filwaqt li Valletta diġà ħabbru li wieħed mill-akkwist tal-barranin hu r-Russu Dimitri Kholod. Fatt interessanti hu li Miguel Zammit jiġi iben il-veteran ta’ Valletta Charlie Zammit.

Paolella jġedded il-kuntratt

Valletta ħabbru wkoll li ġeddew il-kuntratt ta’ Daniel Paolella. Il-kuntratt tal-captain ġie mġedded b’erba’ snin. Hu ngħaqad magħhom mingħand Sliema fl-2014 u stabilixxa ruħu bħala plejer importanti tat-tim fil-Kampjonat Premier.

F’dawn il-ħames staġuni li ilu magħhom, Paolella lagħab ħafna mill-ħin waqt il-logħbiet u skorja 39 gowl fil-Kampjonat tas-Sajf u tliet gowls fin-knock-out. L-aħjar staġun tiegħu f’termini ta’ gowls kien fl-2014 meta skorja 13-il gowl.