“Ninsabu sodisfatti li qed nippreżentaw iċ-Charter Ewropew tad-Dyslexia li permezz tiegħu, rridu nagħtu lill-persuni bid-dyslexia aktar opportunitajiet biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.” Dan qalu l-MEP Francis Zammit Dimech waqt it-tnedija taċ-Charter Ewropew tad-Dyslexia fil-Parlament Ewropew fi Brussell.
Matul l-aħħar ġimgħat, Zammit Dimech kellu laqgħat mal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dyslexia u ma’ ġenituri ta’ studenti bid-dyslexia, u aktar tard ressaq il-proposti tagħhom waqt laqgħat fil-Parlament Ewropew biex dawn ikunu riflessi fiċ-Charter Ewropew tad-Dyslexia. Il-proposti kienu jinkludi aspetti b’rabta mal-edukazzjoni u l-appoġġ għall-għalliema, kif ukoll assistenza lill-ġenituri biex jagħmlu testijiet, liema proposti ġew inklużi fiċ-Charter.
Roger Broadbent, Direttur tal-Istitut tad-Dyslexia fir-Renju Unit preżenta l-punti ewlenin taċ-Charter. Hu qal li ċ-Charter tad-Dyslexia kien bżonnjuż biex jagħti appoġġ lill-għalliema li jaħdmu ma’ persuni bid-dyslexia permezz ta’ taħriġ u appoġġ aħjar, biex jgħin persuni bid-dyslexia li qed isibuha diffiċli biex isibu xogħol, u biex jilħqu l-potenzjal tagħhom meta jkollhom xogħol biex jagħtu l-massimu. Broadbent żied jgħid li ċ-Charter kien bżonnjuż ukoll biex it-tfal ma jfallux f’ħajjithom. Hu rringrazzja lill-MEP Zammit Dimech u l-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dyslexia għall-kontribut tagħhom.
Waqt li kien qed jitkellem dwar l-importanza taċ-Charter, Broadbent irrimarka li ċ-Charter għandu jservi mhux biss bħala pass importanti għall-aspetti legali, iżda wkoll bħala gwida biex jintlaħqu l-miri fl-Ewropa. “Filwaqt li d-dyslexia tibqa’ ta’ tħassib għall-ġenituri u t-tfal, l-Unjoni Ewropea għandha l-poter li twettaq bidla fuq livell Ewropew.”
Iċ-Charter jitkellem dwar diversi aspetti importanti, fosthom li jkun hemm assessjar tad-dyslexia għaliex bħalissa anqas minn 1% ta’ dawk bid-dyslexia qed ikunu identifikati, taħriġ u appoġġ lill-għalliema kif ukoll għodda diġitali għall-istudenti, li jinħolqu toroq għall-impjiegi u l-appoġġ lill-ħaddiema peress li ħafna persuni bid-dyslexia jinsabu bla xogħol, li t-teknoloġija ssir aktar aċċessibbli għall-persuni bid-dyslexia u li jsir screening lil dawk li jkunu wettqu xi reat biex jingħataw servizzi ta’ counselling u edukazzjoni, kif ukoll gwida għal ħajja lil hinn mill-kriminalità. Iċ-Charter qed jiġi mehmuż ma’ din l-istqarrija.
Fl-aħħar kummenti tiegħu, Zammit Dimech qal “Inkunu kapaċi nimxu ‘l quddiem bħala soċjetà jekk inpoġġu miri ċari ta’ dak li rridu niksbu. Mhux se tkun faċli, imma rridu nbiddlu l-perċezzjoni u l-aġir dwar id-dyslexia. Irridu nilħqu miri għola biex niprovdu ħajja aħjar għall-persuni bid-dyslexia, u nkunu tajna kontribut tajjeb lis-soċjetà.”
Id-dyslexia taffettwa bejn 10 u 20% tal-popolazzjoni dinjija, u twassal għal organizzazzjoni u konċentrazzjoni dgħajfa, awto-stima baxxa u nuqqas ta’ fiduċja fik innifsek.. Sa issa ma jidhirx li qed tiġi indirizzata minħabba nuqqas ta’ għarfien.
Nhar it-Tnejn (fil-Jum Dinji tad-Diżabilità), se tkun qed titnieda e-petition li titlob lill-MEPs biex jiffirmawha u jappoġġjaw iċ-Charter. Numru kbir ta’ MEPs minn diversi gruppi politiċi diġà mpenjaw lilhom infushom biex jappoġġjaw iċ-Charter.
//= $special ?>