Il-kumpannija taż-żejt tal-Polonja, PKN Orlen, se tisponsorja lill-Williams wara li dan it-tim tal-Formula 1 ingaġġa lill-Pollakk, Robert Kubica, bħala sewwieq għall-istaġun li ġej. Din il-kumpannija qed tieħu post l-eks-sponsor Martini li temm il-kollaborazzjoni ma’ Williams wara l-aħħar tellieqa tal-istaġun f’Abu Dhabi.
Il-ftehim ma’ Williams – eks-champion ta’ dan l-isport u li din is-sena spiċċa fl-għaxar u l-aħħar post fil-klassifika tal-kostrutturi – tħabbar ftit tas-sigħat ilu, għalkemm ma ngħatawx xi dettalji finanzjarji. Madankollu, xi sezzjonijiet tal-istampa sostnew li l-ftehim mal-akbar raffinatur taż-żejt fil-Polonja jista’ jiswa l-ekwivalenti ta’ $10 miljuni lit-tim Britanniku.
L-aħħar rebħa għall-Williams f’tellieqa tal-Formula 1 tmur lura għall-2012.
Intant, is-sewwieq, Kubica, qed jirritorna f’dan l-isport wara nuqqas ta’ tmien snin b’kaġun ta’ inċident, fl-2011, li kien kważi swielu ħajtu.
Il-Pollakk ta’ 33 sena, li kien tellaq l-aħħar fl-2010 mat-tim ta’ Renault, fl-istaġun li ġej se jissieħeb maż-żgħażugħ George Russell, is-sewwieq l-ieħor ta’ Williams u li hu champion tal-Formula Two.
//= $special ?>