L-aġent ta’ Gareth Bale, l-attakkant ta’ Real Madrid u ta’ Wales, indika li ‘mhux impossibbli’ li dan il-plejer, ‘il quddiem, jissieħeb maċ-Champions Taljani, Juventus minkejja li Bale, bħalissa, jinsab kuntent fil-kapitali Spanjola.
Fil-preżent, għaddejja spekulazzjoni intensiva dwar numru ta’ plejers ma’ Real Madrid, iċ-Champions tal-Ewropa, u meta l-Los Blancos qegħdin juru forma fqira ferm fil-kampjonjat Spanjol, fejn anki tilfu, 0-3, fl-aħħar ħarġa ma’ Eibar.
Intant, mhux eskluż li Bale – li hu wieħed mill-aktar ismijiet famużi ta’ Real – jista’, ‘il quddiem, jissieħeb ma’ eks-sieħbu, Cristiano Ronaldo, f’Turin.
Min-naħa tiegħu, Ronaldo, li rebaħ kull unur fil-logħba ma’ Real wara snin fil-La Liga, qiegħed jaqta’ figura tajba ma’ Juventus fl-ewwel staġun tiegħu fis-Serie A.
Jonathan Barnett, l-aġent ta’ Gareth Bale, qal lil Tuttosport li l-plejer inkwistjoni hu kuntent ħafna ma’ Real Madrid ‘iżda wieħed ma jistax jaqra l-futur fis-suq tat-trasferimenti.’
Intant, Barnett qal li wara l-wasla ta’ Cristiano Ronaldo fl-Italja, numru ta’ ‘superstars’ barranin qegħdin jikkunsidraw futur potenzjali fis-Serie A, ‘huma u jħarsu lejn dan il-league minn aspett differenti mis-sitwazzjoni ta’ ftit snin ilu’.
//= $special ?>