Il-konfederazzjoni Forum Unions Maltin (For.U.M.) tirreferi għall-Att il-ġdid tal-Amministrazzjoni Pubblika li ġie sottomess mill-Gvern fil-Parlament bħala abbozz għall-ewwel qari mingħajr ebda konsultazzjoni.
Il-Foum ma tistax tifhem u temmen kif att bħal dan, li ser jibdel drastikament il-mod kif jaħdem is-servizz pubbliku, u ser jeffettwa l-għixien ta’ eluf ta’ persuni impjegati ma’ entitajiet tal-Gvern, tqiegħdet fil-Parlament fejn jidher ċar li hemm klawżoli inaċċettabbli li l-ebda l-stakeholder ma kien jaqbel magħhom kieku kien hemm konsultazzjoni serja fuqhom. Apparti hekk, din il-liġi ma tikkontemplax konsultazzjoni, fejn il-Gvern ser ikollu l-jedd assolut li jagħmel tibdil drastiku fil-kundizzjonijiet u l-organizzazzjoni fil-post tax-xogħol b’sempliċi publikazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern. Il-For.U.M. teżiġi li l-konsultazzjoni mal-Unions tkun parti essenzjali tal-Att kull fejn jintlaqtu l-ħaddiema u l-post tax-xogħol tagħhom – xi ħaġa li hija mminata jekk tidħol fis-seħħ din il-liġi.
Hemm numru ta’ artikli li l-For.U.M. ma jaqbilx magħhom jew li hemm dubju serji dwarhom, li jinkludu:-
– Artiklu 4 li fiha l-valuri tas-Servizz Pubbliku li ser jinbidlu u ser tonqos is-saħħa tagħhom, fejn per eżempju d-diskriminazzjoni u l-imparzjalita’ tneħħew mil-lista tal-valuri. Dawn jissemmew f’punti oħra sekondarji iżda għandhom jibqgħu bħala parti mill-valuri prinċipali ta’ dan l-att;
– Artiklu 5 jsemmi sentejn li fihom impjegati li jaħdmu ma’ entitajiet regolatorji u spettorati ma jkunux jistgħu jaħdmu ma’ entitajiet privati għal sentejn wara li jispiċċaw minn mas-servizz/settur pubbliku. Dan huwa artiklu inaċċettabbli fejn teknikament kull persuna li taħdem f’awtorita’, u hawn qed nirreferu għal entitajiet li fihom il-Gvern jista’ jitqies bħala klijent, ser tingħalqilhom kull triq fil-karriera tagħhom għal sentejn sħaħ u jirriskjaw li jaqilgħu multa ta’ tliet snin paga jekk isibu xogħol fis-settur qabel sentejn. Din tillimita drastikament il-‘job mobility’ ta’ eluf ta’ persuni li wara kollox ma jingħatawx kumpens ta’ dan kif jiġri meta Persons of Trust jispiċċaw minn ma’ Ministru u jibqgħu jieħdu l-paga għal sitt xhur sħaħ sakemm jistabilixxu ruħhom f’xogħol ieħor. Il-Professjonisti huma dawk li l-iżjed ser jiġu ddiskriminati peress li huma marbuta mas-settur partikolari tagħhom;
– L-introduzzjoni tal-kodiċi tal-etika, fl-artiklu 5 u l-ewwel skeda tal-abbozz, qed isir bla konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fejn ħa jkollu impatt fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan fi sfond li fi Ftehim Kollettivi fis-settur pubbliku huwa obbligu li ssir konsultazzjoni fuq il-kodiċi tal-etika. Apparti dan il-Prim Ministru b’dan l-Att jista’ personalment jaqbad u jibdel il-kodiċi tal-etika, jistabilixxi jew ineħħi, jibdel l-isem ta’ gradi b’sempliċi pubblikazzjoni tat-tibdil fil-Gazzetta tal-Gvern;
– Il-Prim Ministru ser ikollu l-jedd ukoll jagħti kundizzjonijiet differenti anki f’gradi bl-istess jew titlu simili. Apparti dan jista’ jneħħi, jabolixxi jew jibdel gradi u saħansitra strutturi tal-amministrazzjoni pubblika mingħajr ebda konsultazzjoni. Din hija sitwazzjoni inaċċettabbli fejn il-ftehim kollettiv u settorali tad-diversi setturi ser jispiċċaw sekondarji għall-deċiżjonijiet unilaterali li jkunu jittieħdu bla ebda konsultazzjoni. For.U.M. tinsisti li azzjonijiet bħal dawn jimminaw kull avvanz fl-amministrazzjoni pubblika matul is-snin li ssaħħaħ permezz ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders kollha;
– L-att isemmi pożizzjonijiet high-risk tliet darbiet iżda ma jinkludix definizzjoni tagħha, b’skeda konfuża (numru 6) li fiha lista sħiħa ta’ pożizzjonijiet. Wieħed jistaqsi x’qed nifhmu meta ngħidu high-risk u x’inhu l-iskop li hemm lista meta checks and balances ma jissemmew imkien. Apparti dan il-For.U.M. tistaqsi għalfejn Segretarji Permanenti u Persons of Trust m’humiex mitqiesa bħala high-risk;
– B’dan l-att persuni minn entitajiet u aġenziji differenti, anki dawk li għandhom ftehim kollettiv jew settorali separat, jistgħu jaqilgħu transfers minn aġenziji u awtoritajiet għal oħrajn;
– For.U.M. għandha dubju serji dwar artikli bħal 14(e), fejn uffiċjali għandhom jibdew jobdudirezzjonijiet anki dawk biss verbalment m’għotija lilhom. Dan jista’ joħloq sitwazzjonijiet ambigwi u ta’ riskju kbir għall-ħaddiema li jobdu direzzjonijiet verbali mingħajr ebda kontabilita’ mis-superjuri li jkunu ordnawhom;
– For.U.M. tistaqi fejn b’dan l-att in-newtralita’ politika hijiex ser tkun implimentata għall-gradi kollha inklużi dawk inqas minn Grade 5 kif inhi s’issa. Din ser toħloq estremiżmu bil-gradi kollha sal-inqas wieħed li ma jistgħux jesprimu opinjoni politika pubblikament. Ħaġa bħal din ser timmina d-demokrazija drastikament u tnaqqas iċ-ċans li eluf kbar ta’ persuni validi li jagħtu l-opinjoni tagħhom u jikkontribwixxu fil-ħajja politika ta’ pajjiżna;
– Id-definizzjoni ta’ entita’ hija waħda vaga u għaldaqstant kull entita’ eżistenti, jew li tista’ titwaqqaf bla ebda konsultazzjoni, ser taqa’ awtomatikament taħt dan l-att;
Bħala konklużjoni l-For.U.M. temmen li abbozz ta’ liġi bħal din, li għandha konsegwenzi serji kemm fuq l-amministrazzjoni pubblika preżenti u futura, u fuq l-impjegati kollha taċ-ċivil u tal-entitajiet kollha tal-gvern, għandha tiġi kkonsultata b’mod serju speċjalment mal-Unions. Jekk ma jsirx hekk ser tinħoloq sitwazzjoni fejn kull ftehim kollettiv u settorali, flimkien mal-kisbiet kollha mill-Unions u gvernijiet differenti, ser ikunu potenzjalment imminati minn deċiżjonijiet politiċi bla preċedent.
Għaldaqstant il-For.U.M. jitlob laqgħa urġenti mas-Segretarju Permanenti Ewlieni sabiex jiġu diskussi il-preokkupazzjonijiet kollha li għandha l-Forum Unions Maltin fuq dan l-att qabel ma tiġi diskussa fil-Parlament.
//= $special ?>