Il-Ministru Konrad Mizzi, għat-tielet darba, naqas milli jidher quddiem il-Qorti għal kontro eżami f’każ ta’ libell li fetaħ hu stess.
Il-każ infetaħ minn Konrad Mizzi fil-konfront tad-Deputati Beppe Fenech Adami, Jason Azzopardi u Simon Busuttil għaliex ħassu malafamat meta dawn tkellmu dwar il-kumpanija li fetaħ fil-Panama. L-akkużi kienu saru matul il-kampanja elettorali li għaddiet, meta t-tliet deputati kienu akkużawh li l-iskop kien li f’din il-kumpanija jintefgħu l-miljuni ta’ ewro u li dan kien sar bi skop ta’ ħasil tal-flus.
Iżda Konrad Mizzi jibqa’ jaħrab, issa anke mill-Qorti f’każ tiegħu stess. Dan sigħat biss wara li ħareġ ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-ftehim tal-powerstation tal-gass, fejn ftaħar li hu m’għandux x’jaħbi.
Fid-dawl li Konrad Mizzi baqa’ ma tfaċċax, il-Maġistrat Francesco Depasquale skeda l-kontro eżami mill-ġdid, din id-darba għall-10 ta’ Jannar b’seduta speċjali apposta għal dan il-każ. Irriserva d-dritt ukoll li jieħu passi kontra l-Ministru Konrad Mizzi. Dan wara li l-avukati tad-difiża, Peter Fenech u Joe Zammit Maempel, innutaw li l-aġir tal-Ministru Konrad Mizzi hu wieħed ta’ disprezz lejn il-Qorti.
Dan anke fid-dawl li l-avukati tal-Ministru kien ilhom jafu bid-data tas-seduta tal-Ħamis, bid-difiża jkollha tipposponi anke safar biex tkun ċerta li l-avukati jkunu jistgħu jattendu għas-seduta.
Dan hu biss l-aktar episodju riċenti minn sensiela fejn il-Ministru Konrad Mizzi baqa’ jaħrab milli jaffaċċja l-fatti. U sa qabel il-konferenza tal-Erbgħa, kien ilu xhur ma jsejjaħ lill-midja. Għalkemm anke l-Erbgħa stess, Konrad Mizzi ħarab għal kollox id-domandi diretti li sarulu.
//= $special ?>