Lokali Qorti

Jingħata kumpens ta’ aktar minn €300,000 wara li tilef lil martu u daru fi splużjoni fin-Naxxar għaxar snin ilu

Peter Sammut, ir-raġel li għaxar snin ilu kien tilef lil martu fi splużjoni li qerditilhom ukoll għal kollox id-dar tagħhom fin-Naxxar, kien ikkumpensat €312,000 mill-Qorti.

Fl-isplużjoni li seħħet fi Triq Ħal Dgħejf, in-Naxxar, Sina Sammut ta’ 35 sena kienet tilfet ħajjitha waqt li kienet f’darha.

L-isplużjoni kienet ikkawżata minn ħażna ta’ materjal tal-logħob tan-nar fil-garaxx biswit ir-residenza tal-familja Sammut. Paul Camilleri, sid il-garaxx, kien miet ukoll fl-isplużjoni. Għalhekk il-kawża għal kumpens infetħet minn Peter Sammut fil-konfront tal-armla tiegħu, Maria Camilleri, u binhom.

Il-Qorti ddeċidiet li l-iben ma setax jinżamm responsabbli biex jagħmel tajjeb għall-kumpans dovut minn missieru għax iddeċieda li jċedi d-dritt tiegħu għall-wirt. Mart Paul Camilleri għamlet l-istess, iżda hi u żewġha kienu proprjetarji tad-dar minn fejn seħħet it-traġedja, u allura, setgħet tagħmel tajjeb hi għad-danni li talab Sammut. Maria Camilleri baqgħet tinsisti li ma kinitx taf li fil-garaxx kien hemm ħażna ta’ materjal perikoloż.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Joseph R Micallef, ma emmnitx lil Camilleri li ma kinitx taf x’qed jaħżen żewġha fil-garaxx tad-dar tagħhom. Għalhekk ordnatilha tħallas €175,000 għall-ħsarat li ġarrbet il-propjetà ta’ Peter Sammut. Sina Sammut, mara tad-dar li kellha biss 35 sena, kellha valur ekonomiku f’għajnejn il-liġi, u għalhekk, ir-raġel tagħha ngħata €137,280 kumpens f’dan ir-rigward.