Sport Sport Ieħor

Kyle Camilleri jirbaħ iż-żewġ heats ta’ Klassi A fil-ftuħ tal-Kampjonat Motocross

(Ritratt: Mario Micallef)

Kyle Camilleri kellu bidu pożittiv għall-Kampjonat Motocross li beda l-Ħadd li għadda meta rebaħ iż-żewġ heats ta’ Klassi A. Camilleri fuq KTM rebaħ il-kwalifikazzjoni u fl-ewwel heat ħareġ fuq quddiem u ddefenda l-post biex fit-tieni tiġrija qabeż lil Paul Muscat fuq Yamaha fis-sitt dawra. Fit-tielet post daħal Trevor Muscat fuq Honda.

Daniel Caruana fuq Honda rebaħ Klassi B fejn iddomina ż-żewġ tiġrijiet u spiċċa qabel Gary Debono fuq KTM li kien spiċċa l-ewwel fil-kwalifikazzjoni. Krist Falzon u Michael Sant it-tnejn fuq Husqvarna daħlu fit-tielet u r-raba’ post.

Carmelo Borg fuq Honda rebaħ il-Klassi tal-Veterani segwit minn Paul Deguara fuq KTM, u l-aħwa Jethro u William Sant fuq Yamaha u Honda rispettivament. Għall-ewwel darba saret Fun Race għall-Klassi Juniors b’Jose Azzopardi fuq KTM joħroġ rebbieħ.

Intant il-Ħadd li ġej, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi se tkompli bil-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross. Din se tkun it-tieni kompetizzjoni ta’ dan l-istaġun u li se ssir fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali. Il-programm jibda fl-10.00am bil-warm-up segwit mill-kwalifikazzjoni u żewġ tiġrijiet uffiċjali.

L-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi għandha diversi attivitajiet matul Diċembru. Il-Ħadd 9 ta’ Diċembru jingħata bidu għall-Kampjonat Autocross bil-programm jibda f’12.00pm. Ġimgħa wara jibda l-Kampjonat tal-muturi Enduro bl-attività tibda fl-10.00am u se ssir fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK. Imbagħad il-Ħadd 23 ta’ Diċembru ssir l-aħħar attività tas-sena bil-karozzi Autocross. L-attività tibda fl-10.00am u tagħlaq bid-Demolition Derby li tibda fit-3.00pm.

Aktar informazzjoni tista’ tinstab fis-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni www.asmk.org.mt, fil-paġna ta’ facebook ASMK, b’email fuq info@asmk.org.mt jew fuq 99425489.

Tags