Kultura Lokali

‘L-Aħħar Festa’ tagħlaq il-Valletta18

Diversi avvenimenti mħejjija fil-Kapitali Ewropea tal-Kultura

Is-Sibt 15 ta’ Diċembru tiġi fi tmiemha s-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura bl-‘Aħħar Festa’, l-għeluq uffiċjali tal-Valletta18 b’diversi avvenimenti madwar il-Belt Kapitali li se jilħqu l-qofol f’Misraħ San Ġorġ.

Il-gruppi mużikali Tribali, The Brass House Unit u l-artist Ozzy Lino fost l-oħrajn se joffru spettaklu f’din il-Pjazza, bi preżentazzjoni ta’ Mireille Bonello u Svetlana Muscat.

Wieħed jista’ jġedded ukoll il-memorji tas-Sinfjonija ‘Elfejn u Tmintax’ fil-Ftuħ Uffiċjali fi Pjazza San Ġwann hekk kif il-kor tal-Valletta18 se jkanta ukoll fl-ispettaklu.

Fost l-attrazzjonijiet li se jkun hemm madwar il-Belt se jkun il-ftuħ b’xejn għall-poplu Malti tal-mużew il-ġdid il-Muża tul il-ġurnata kollha u kunċert mużikali minn Mewġa Mużika, l-orkestra tal-komunità, fi Pjazza Teatru Rjal.

It-toroq tal-Belt Valletta se jaraw ukoll installazzjoni interattiva mifruxa fuq diversi siti bl-isem ta’ Memory Wall, li se tfakkar punti ewlenin mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.