Kurżitajiet Lokali

Lejn Bangkok biex tirrappreżenta lil pajjiżna

L-edizzjoni ta' din is-sena se ssir fit-Tajlandja

Francesca Mifsud, rebbieħa ta’ Miss Universe Malta 2018, tinsab fi triqitha lejn il-kapitali Tajlandiża, Bangkok, biex tirrappreżenta lil Malta fost 95 kontestanta oħra madwar id-dinja f’Miss Universe.

Ir-rappreżentanta Maltija ta’ 22 sena miż-Żejtun, li bħalissa qegħda ssegwi l-kors tal-liġi fl-Università ta’ Malta, se tqatta’ tlett ġimgħat hemmhekk biex tieħu sehem f’diversi attivitajiet mħejjija apposta għal dan l-avveniment kif ukoll f’diversi photo shoots, sfilati u intervisti.

Is-serata finali ta’ Miss Universe se tittella’ fis-17 ta’ Dicembru u se tixxandar f’aktar minn 50 pajjiz differenti u ‘l fuq minn biljun ruħ madwar id-dinja. Fis-serata finali se jagħtu s-sehem tagħhom ukoll diversi nies popolari, fosthom il-kantant Ne-Yo, il-mudella internazzjonali Ashley Graham u il-preżentatur Steve Harvey.

Hija kellha diversi xhur ta’ preparazzjoni b’lezzjonijiet dwar il-personalità, l-immudellar minn professjonist mill-Filippini, bosta intervisti fuq it-televiżjoni, kostum nazzjonali ta’ Malta u ħejjiet il-kampanja #StandUP kontra l-abbuż sesswali fost l-oħrajn.

Miss Universe hija organizzata minn IMG New York filwaqt li Miss Universe Malta hija mmexxija minn Alan J. Darmanin u Jeff Francalanza ta’ Glow Promotions.