“Li l-Ministru Konrad Mizzi jirriżenja u jitlaq issa mhux biżżejjed. Irridu naraw kif se jintraddu lura għand il-familji l-miljuni li qed inħallsu aktar kull sena għall-enerġija,” hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM.
Dr Delia qal li huwa surreali kif il-Ministru Konrad Mizzi qiegħed jgħix f’dinja parallela, qed jibqa’ jidħak bin-nies u jifraħ bir-rapport tal-Awditur Ġenerali li huwa ċertifikat ta’ kundanna wara l-oħra. Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-investigazzjoni tal-kuntratti mogħtija lil Electrogas mill-Enemalta juri biċ-ċar li l-ftehim tal-power station li ried Joseph Muscat qed jiswa lin-nies miljuni kbar aktar fis-sena mill-interconnector tal-Partit Nazzjonalista. Adrian Delia staqsa kif jista’ jkun li l-Partit Laburista, waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha Konrad Mizzi ma deher imkien, jiftaħar li kien hemm best practice meta r-rapport jikkundannah.
L-Awditur Ġenerali kixef kif il-Gvern addotta atteġġjament inkonsistenti meta ġie biex jevalwa l-offerti li ntefgħu. Dan għaliex dawk li tefgħu l-offerti tagħhom ma ġewx trattati bl-istess mod u li l-proċess tal-evalwazzjoni kien imbagħbas sa mill-bidunett. Mill-konklużjonijiet jirriżulta li l-Awditur Ġenerali huwa imħasseb li matul il-proċess tal-evalwazzjoni sar tibdil fil-proċess innifsu. Dan apparti li l-kumpanija Gasol ma kelliex l-affarijiet sewwa, ħarbet u s-sehem tagħha tefgħatu fuq ħaddieħor meta l-Awditur Ġenerali qal li dan ma jistax isir.
Mir-rapport tal-Awditur Ġenerali jirriżulta li Brian Tonna ta’ Nexia BT kien it-team leader tal-kumitat tal-evalwazzjoni li kien inkarigat mill-proċess tal-għażla, u spiċċa wkoll l-awditur ta’ GEM Holdings, li l-konsorzju tagħhom rebaħ il-kuntratt għall-power station. Dan ifisser li l-istess persuna li rat l-evalwazzjoni tal-offerti mitfuha spiċċa l-awditur tal-konsorzju magħżul. Brian Tonna huwa l-istess persuna li fetaħ il-kumpaniji sigrieti fil-Panama Hearnville u Tillgate tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat li fihom iddikjaraw li se jirċievu €150,000 kull xahar kull wieħed mill-kumpanija 17 Black f’Dubaj, li s-sid tagħha huwa direttur ta’ kumpanija fl-istess konsorzju li ntgħażel biex jibni u jħaddem il-power station.
Adrian Delia qal li fl-istess waqt, il-Gvern qed iħaddem ħażin ukoll il-mod kif jinħarġu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u 80% tal-familji qed jinsterqu u jħallsu aktar għall-kontijiet, li huma aktar għoljin u aktar spissi. Huwa qal li Gvern Nazzjonalista ġdid se jkun qed jagħti lura l-flus kollha li l-familji qed iħallsu aktar għall-enerġija li jikkonsmaw.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li quddiem dan kollu, l-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali qed joħorġu sensiela ta’ kundanni, fosthom it-tħassib tal-Awtorità Bankarja Ewropea li kienet qalet kif kien hawn ‘nuqqasijiet sistematiċi u ġenerali’ fuq il-ħasil tal-flus. Dr Delia qal li b’għemilhom Konrad Mizzi u Keith Schembri qed jagħmlu ħsara kbir lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, li qed twassal għal kriżi fis-sistema bankarja. Huwa qal li meta ssir ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, l-investituri jaqtgħu qalbhom li jinvestu u jiftħu n-negozji f’Malta.
Adrian Delia qal li Joseph Muscat ma jridx jieħu d-deċiżjoni li hemm bżonn u jiddefendi r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Deċiżjoni li jidher li Joseph Muscat ma jistax jieħu għaliex huwa ċar li għandu idejh marbutin. Dr Delia spjega li meta sseħħ il-koruzzjoni, l-vittmi tal- kriminalità huma n-nies, il-familji, l-ħaddiema u l-persuni onesti.
//= $special ?>