Manchester United, li jinsabu s-seba’ fil-Premier Ingliż, attivaw l-estensjoni tal-kuntratt ta’ David de Gea b’sena, bil-għan li jevitaw l-inċertezza dwar il-futur tal-gowlkiper nazzjonali ta’ Spanja. Il-klabb qed jaħseb ukoll fit-tieqa tradizzjonali ta’ Jannar għat-trasferimenti, meta mhux eskluż li r-Red Devils jippruvaw isaħħu l-iskwadra tagħhom wara l-aħħar ħarġiet diżappuntanti.
De Gea, li għandu 28 sena, issieħeb ma’ United mingħand Atletico Madrid, fl-2010, u stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa gowlkipers fid-dinja. Il-kuntratt attwali tiegħu kellu jagħlaq fis-sajf tal-2019 u fejn is-sitwazzjoni permettiet biex, mill-1 ta’ Jannar, de Gea jidħol fi trattativi ma’ klabbs barranin, bil-possibbiltà li jiffirma ftehim fuq bażi ta’ ‘pre-contract’.
Madankollu, United kellhom l-għażla biex jestendu l-kuntratt ta’ de Gea b’sena oħra u d-diriġenti tal-klabb qablu li l-miżura kellha tingħata l-priorità immedjata fiċ-ċirkustanzi.
Hemm ukoll possibbiltà li de Gea jiffirma kuntratt ġdid u fit-tul ma’ Manchester United, bil-manager tar-Red Devils, Jose Mourinho, jikkonferma – wara li t-tim ikkwalifika għall-fażi li jmiss taċ-Champions League bir-rebħa fuq Young Boys tal-Iżvizzera – li ‘United huma ħerqanin li jżommu lil de Gea bħala pedina importanti għall-futur’.
Dan meta David de Gea rebaħ il-premju għall-aħjar plejer tal-istaġun ma’ United għal erba’ fost l-aħħar ħames staġuni.
Sadanittant, l-indikazzjonijiet huma li de Gea ‘qed jikkunsidra’ li jkompli ma’ Manchester United anki jekk jista’ ikun ‘il bogħod ftehim dwar il-kuntratt ġdid.
Ir-rapporti qalu li de Gea u l-konsulenti tiegħu ‘huma konxji mis-salarju fenomenali’ li Man Utd ħallsu lill-attakkant Ċilen, Alexis Sanchez, meta hu, għaxar xhur ilu, issieħeb magħhom mingħand Arsenal. Intant, qed ikun allegat li de Gea qiegħed jitlob kuntratt ‘fuq l-istess livell ta’ Sanchez’, meta ċ-Ċilen naqas li jimpressjona fiż-żmien li ilu mar-Red Devils.
//= $special ?>