Sport Sport Ieħor

Clint Vassallo se jieħu sehem fil-Prix de Rencontres Internationales f’Pariġi

Illum is-sewwieq Clint Vassallo ħalla pajjiżna lejn Pariġi biex għada wara nofsinhar jieħu sehem fl-għaxar edizzjoni tal-Prix de Rencontres Internationales du Trotteur Francais organizzata minn Le Trot fil-korsa ta’ Vincennes. Minbarra Malta u Franza, b’kollox se jieħdu sehem 13-il pajjiż ieħor fuq distanza ta’ 2100 metru bi tluq bil-karozza. Iż-żwiemel parteċipanti qed jiġu rreklamati għal €22,000.

Vassallo se jkun qed jitlaq bin-numru b’Viking Dream, żiemel ta’ disa’ snin ilu li ilu ma joħroġ minn Marzu ta’ sentejn ilu. Is-sena l-oħra, Clint Vassallo spiċċa fil-ħames post fil-klassifika għall-aqwa sewwieqa u din is-sena jinsab fl-istess pożizzjoni minkejja li sa issa ssupera n-numru ta’ rebħiet.

Intant se ssir preżentazzjoni speċjali biex jiġu ppremjati l-aqwa żwiemel Franċiżi tal-2017 f’diversi pajjiżi madwar id-dinja. Fost it-30 pajjiż differenti, hemm ukoll Malta permezz tas-sidien taż-żiemel Service Secret li b’disa’ rebħiet spiċċa l-aqwa żiemel Franċiż tas-sena l-oħra. Sabiex jirċievu t-tifkira hemm Andrè Farrugia u Clive Agius, biċ-Chairman tal-Malta Racing Club Edwin Borg jakkumpanja lill-kontinġent Malti.