Futbol Sport

Il-logħba bejn Boca Juniors u River Plate se tintlagħab f’Estadio Santiago Bernabeu

It-tieni leg tal-finali tal-Copa Libertadores bejn Boca Juniors u River Plate se tintlagħab fid-9 ta’ Diċembru fl-istadium ta’ Real Madrid Santiago Bernabeu. Il-logħba bejn ir-rivali ta’ Buenos Aires kellha tintlagħab fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet f’Estadio Monumental ta’ River Plate.

Iżda wara l-attakk fuq ix-xarabank ta’ Boca Juniors, il-logħba ġiet posposta darbtejn minħabba li xi plejers ta’ Boca spiċċaw feruti. L-assoċjazzjoni tal-futbol Sud Amerikan CONMEBOL ħabbret it-Tlieta li t-tieni leg se tintlagħab barra l-Arġentina.

Il-partitarji taż-żewġ timijiet se jkollhom allokazzjoni ndaqs li jfisser li l-ebda tim mhux se jkun ikkunsidrat li qed jilgħab fil-grawnd tiegħu. Il-CONMEBOL ħabbret ukoll li River Plate kienu mmultati $400,000 minħabba l-vjolenza tal-partitarji kif ukoll iridu jilagħbu żewġ logħbiet bil-bibien magħluqa.

Il-President Alejandro Dominquez qal li qal li l-logħba tal-futbol hi dwar rebħ u telf u mhux qtil u nies imutu. Il-Prim Ministru ta’ Spanja Pedro Sanchez saħaq li Spanja huma lesti biex jorganizzaw il-finali tal-Copa Libertadores. Hu żied li l-forzi tas-sigurtà għandhom esperjenza estensiva ta’ dawn is-sitwazzjonijiet u diġà qed jaħdmu biex jassiguraw li l-avveniment ikollu s-sigurtà meħtieġa.