Ewropa Lokali Saħħa Unjoni Ewropea

Il-Pjattaforma Nazzjonali għall-Kanċer se tingħaqad mal-Assoċjazzjoni tal-Leagues Ewropej tal-Kanċer

Zammit Dimech jirringrazzja lill-President għall-appoġġ

“L-NGOs Maltin tal-kanċer għandhom rwol biex jiprovdu servizzi importanti lill-pazjenti tal-kanċer u l-familji tagħhom fil-perjodu li jkunu morda u anke fiż-żmien ta’ wara. Hu għalhekk kruċjali li nsaħħuhom u ntuhom opportunitajiet biex jibqgħu joffru appoġġ ta’ kwalità għolja. L-affiljazzjoni tal-Pjattaforma Nazzjonali għall-Kanċer mal-Assoċjazzjoni tal-Leagues Ewropej tal-Kanċer hu mod wieħed kif nagħmlu dan, u nixtieq nirringrazzja lill-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, biex dan kien possibbli.” L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan wara laqgħa organizzata mill-President mal-Assoċjazzjoni tal-Leagues Ewropej tal-Kanċer u l-MEP Malti fi Brussell, biex jiddiskutu din l-affiljazzjoni wara taħdidet li bdew f’Malta.

Zammit Dimech wiegħed li se jibqa’ jassisti NGOs Maltin tal-kanċer biex jipparteċipaw fl-Assoċjazzjoni tal-Leagues Ewropej tal-Kanċer biex jaqsmu prattiċi tajbin u biex jifformulaw il-politika tal-UE f’dan is-settur. Matul l-aħħar ġimgħat, ladarba Zammit Dimech iddeċieda li jaħdem fuq temi marbuta mal-kanċer, diversi NGOs ġew mistiedna mill-MEP biex jipparteċipaw f’dibattiti, fosthom Europa Donna, Hospice Malta, il-Fondazzjoni Karl Vella, il-Malta Health Network u l-Fondazzjoni Action for Breast Cancer. Waqt dawn id-diskussjonijiet, kienet evidenti l-importanza tal-involviment tal-NGOs lokali tal-kanċer fuq livell Ewropew.

Il-Pjattaforma Nazzjonali għall-Kanċer twaqqfet fl-2015 u tiġbor flimkien l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam tal-kanċer biex jikkolaboraw flimkien bil-għan li jassiguraw servizz ħolistiku, kkordinat u sostenibbli għall-pazjenti tal-kanċer u l-qraba tagħhom. L-ECL hija organizzazzjoni li tgħaqqad flimkien diversi soċjetajiet nazzjonali u reġjonali fl-Ewropa li jaħdmu fil-qasam tal-kanċer. L-assoċjazzjoni tiprovdi pjattaforma esklussiva lill-membri biex jikkolaboraw ma’ għaqdiet oħra internazzjonali, primarjament biex jiprevenu l-kanċer, kif ukoll għall-aċċess għall-mediċini u appoġġ lill-pazjenti. Dan minbarra li tiprovdi opportunitajiet biex dawn it-temi jkunu diskussi fuq livell tal-UE.

Zammit Dimech fakkar kif f’Malta, nesperjenzaw kważi 2,000 każ ġdid ta’ kanċer fis-sena u madwar 900 mewt kull sena, u għalhekk hemm bżonn li ningħaqdu biex niġġieldu l-kanċer fi kwalunkwe mod possibbli. Zammit Dimech, li hu membri tal-MEPs kontra l-Kanċer, grupp ta’ MEPs minn gruppi politiċi differenti li jaħdmu fuq politika dwar il-kanċer, jemmen li l-koperazzjoni Ewropea żżid il-valur għall-azzjonijiet li jieħdu l-istati membri. Hu ingħaqad ukoll mal-Grupp Real Men Against Prostate Cancer, grupp ta’ ambaxxaturi ġdid magħmul minn diversi stakeholders bil-għan li jassiguraw li pazjenti tal-kanċer tal-prostata jingħataw it-trattament u l-kura xierqa fil-mument ġust madwar l-Ewropa.

Zammit Dimech kien ukoll ir-Rapporteur tal-Grupp tal-PPE biex tissaħħaħ direttiva fuq il-prevenzjoni tal-ħaddiema minn riskji marbuta ma’ kimiċi fuq il-post tax-xogħol. Il-Parlament Ewropew diġà provda limiti għal 21 sustanza li jistgħu jikkawżaw il-kanċer, u issa ma’ dawn żdiedu l-limiti għal 5 sustanzi oħra.