Internazzjonali

L-Ukrajna tagħlaq il-bibien għall-irġiel Russi bejn is-16 u s-60 sena

Il-Gvern fi Kiev mhux qed iħalli rġiel Russi bejn is-16 u s-60 sena jidħlu fl-Ukrajna li, fil-preżent, qed tiffunzjona taħt il-liġi marzjali. Intant, ikun hemm eċċezzjonijiet għal ‘każi umanitarji’ bir-Russja qed tindika li mhix qed tippjana miżuri ta’ ritaljazzjoni.

Il-liġi marzjali tibqa’ effettiva għal għaxar reġjuni tal-Ukrajna sas-26 ta’ Diċembru. Il-pass ittieħed wara li l-President Ukren, Petro Poroshenko, esprima biża’ dwar invażjoni ta’ pajjiżu mill-qawwiet tar-Russja, jiem wara li qawwiet tal-baħar Russi kienu ħatfu tliet dgħajjes u 24 baħri tal-Ukrajna.

L-Ukrajna fissret l-inċident fil-Baħar l-Iswed bħala abbuż sfaċċat tal-liġi internazzjonali, bir-Russja twieġeb li d-dgħajjes Ukreni kienu abbużaw b’li daħlulha fl-ibħra territorjali.

Intant, l-inċident partikulari bejn l-opri tal-baħar, ‘il hinn mill-Krimea, ipprovoka l-aktar xenarju perikoluż mindu r-Russi, fl-2014, kienu ħatfu l-penisola inkwistjoni ( tal-Krimea) u għaqqduha mat-territorju ta’ pajjiżhom. Dan meta Poroshenko wissa dwar it-theddida ta’ ‘gwerra totali’ mar-Russja waqt li qal li l-kriterji għar-reġistrazzjoni qegħdin isiru aktar riġidi għaċ-ċittadini Russi fir-reġjuni tal-Ukrajna koperti mil-liġi marzjali.

Sadanittant, il-projbizzjoni għall-irġiel Russi bejn is-16 u s-60 sena tista’ tħalli impatt devastanti għall-ivvjaġġar bejn l-Ukrajna u r-Russja meta qed javviċinaw il-btajjel tal-Milied u meta ħafna ċittadini Russi għandhom lil qrabathom residenti fl-Ukrajna.

Fl-istess ħin, kelliema għal Moska qalu li l-Gvern Russu qed iżomm lura minn miżuri reċiproċi ‘li kapaċi jirriżultaw f’sitwazzjoni kaotika għall-aħħar’.