Lokali

Muscat jammetti li l-poplu qed jinsteraq €98,000,000 fis-sena

Kien waqt li kien qed jagħti kummenti lill-ġurnalisti dalgħodu meta l-Prim Ministru Joseph Muscat ammetta li d-differenza bejn l-interconnector u l-powerstation tal-gass hi ta’ 98 miljun – 98 miljun Ewro li qed jinsterqu minn halq il-poplu Malti.

Din hi l-ammissjoni ta’ Muscat fejn qal illi l-kuntratt tal-Electrogas qed jiswa lill-poplu 98 miljun  aktar fis-sena milli kieku nużaw l-interconnector f’kuntratt li hu validu għal tmintax il sena sħaħ.

Muscat qal ukoll li ċ-ċanfira tal-Awditur Generali mhi xejn għajr ftit kritika teknika. Hu baqa jirrepeti, illi minkejja l-kritika li fih ir-rapport hu kuntent bir-riżultat.

Muscat insista li l-Electrogas kienet l-aqwa għażla minkejja li fl-istqarrija li ħareġ l-erbgħa stess l-awditur ġenerali tkellem dwar “il-mod inkonsistenti li kien adottat fil-valutazzjoni tas-sottomissjonijiet”.

L-awditur fl-istess stqarrija jkompli jgħid hekk “ in-nuqqasijiet relatati mad-due diligence kienu ta’ tħassib, bil-verifiki mwettqa meqjusa bħala insuffiċjenti. Aktar minn hekk in-nuqqas ta’ evidenza li l-Enemalta kkunsidrat mudelli ta’ akkwist alternattivi jqanqal riżervi dwar id-disinn tal-proġett”.