Lokali

“Joseph Muscat jammetti li qed ninsterqu €200 miljun kull sentejn” – Adrian Delia

Prim Ministru ostaġġ ta' tnejn min-nies

Għandna Prim Ministru li hu ostaġġ ta’ tnejn min-nies li ħatfuh. Fid-dawl tar-rapport tal-Awditur Ġenerali, issa, iktar minn qatt qabel, għandu jitlob ir-riżenja ta’ Keith Schembri u għandu jneħħi lil Konrad Mizzi.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li bl-ammissjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat illum li l-poplu Malti qed jinsteraq kważi 100 miljun ewro fis-sena, anki l-Prim Ministru għandu jerfa’ r-responsabbilta’ u għandna naraw kif Konrad Mizzi għandu jrodd lura dak li nsteraq.

Iktar kmieni illum, il-Prim Ministru Joseph Muscat għamel il-kalkoli tiegħu fejn prattikament ammetta li l-poplu Malti qed jinsteraq €98 miljun fis-sena. Adrian Delia kompla li minkejja l-ammissjoni tal-Prim Ministru, Konrad Mizzi, b’mod surreali, qed jgħid li r-rapport tal-Awditur Ġenerali hu ċertifikat tajjeb.

Il-Kummenti ta’ Konrad Mizzi huma l-kuntrarju ta’ dak li qal l-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu dwar il-kuntratt tal-Power Station. Adrian Delia irrefera għal dak li ntqal fir-rapport li kkritika l-azzjonijiet mhux konsistenti tal-Kumitat tal-Evalwazzjoni.

Hu fakkar li l-Kumitat tal-Evalwazzjoni kien immexxi minn Brian Tonna ta’ Nexia BT, l-istess Brian Tonna li ftit wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013, fetaħ il-kumpaniji fil-Panama għal Konrad Mizzi u Keith Schembri u li fetaħ kontijiet bankarji sabiex il-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri jirċievu flus mingħand il-kumpanija 17 Black, li fl-aħħar ġranet sar magħruf li s-sid tagħha hu Yorgen Fenech, wieħed mid-diretturi tal-konsorzju Electrogas li bena u qed iħaddem il-power station.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu Malti ilu jinsteraq, kważi f’kull kuntratt maġġuri bħal tal-Vitals li ngħataw l-Isptarijiet pubbliċi, l-Universita’ tal-Ġordaniżi u l-provvista tal-gass mingħand Socar tal-Ażerbajġan.

Kompla li issa wasalna fl-istadju fejn mhux biss isiru ir-riżenji u mhux biss isiru l-investigazzjonijiet, iżda għandna nħarsu wkoll lejn l-effett li din il-korruzzjoni qed ikollha fuq in-nies.

Ha staqsa kemm kien jibni djar għal dawk it-3,200 persuna li qegħdin fil-lista ta’ stennija tal-Housing, kemm kienet tittaffa s-sitwazzjoni ta’ 70,000 persuna li jinsabu fix-xifer tal-faqar u kemm kien jgħin persuni li jkollhom jonfqu l-mijiet fuq pilloli li m’humiex fil-karta r-roża u l-karta s-safra li kieku l-poplu Malti mhux qed jinsteraq b’€100 miljun fis-sena.