Sport Sport Ieħor

Riżultati pożittivi mill-atleti Maltin tat-Taekwando f’Bucharest

Amani Faraoun fuq il-podju wara li spiċċat fit-tieni post

Riċentament disa’ atleti mit-tim nazzjonali Malti ħadu sehem fid-disa’ edizzjoni tad-Dracula Open li saret f’Bucharest fir-Rumanija. L-aktar riżultati. L-atleti li pparteċipaw kienu Jayden Cauchi, Francesco Cini, Jake Ebejer, Amani Faraoun, Jake Govus, Kylie Magro, David Mifsud Wismayer, Jerome Vassallo u Rory Zammit li ħadu sehem fil-kategorija Kyorugi.

It-tim nazzjonali taħt it-tmexxija ta’ Gianluca Barbara u Mauro Busuttil għażlu t-tim f’Lulju li għadda, bl-aktar riżultati pożittivi nkisbu minn Amani Faraon, Kylie Magro, Jake Ebejer u David Mifsud Wismayer.

Amani Faraoun spiċċa fit-tieni post segwit minn Kylie Magro fi Klassi A filwaqt li Jake Ebejer u David Mifsud Wismayer temmew it-tieni fi Klassi B. Il-kontinġent kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija tat-Taekwando Anna Vassallo.

Flimkien mal-atleti Maltin ħadu sehem ukoll atleti mill-Istati Uniti, l-Ingilterra, iċ-Ċina, il-Greċja, ir-Rumanija, is-Serbja, il-Portugall, l-Awstralja, l-Awstrija, l-Ungerija, il-Bulgarija, l-Ukrajna, il-Belġju, il-Moldova, l-Italja, ir-Russja, Spanja, il-Ġermanja, Franza, l-Iżlanda, l-Olanda, l-Albanija, it-Turkija, il-Ġappun u l-Kroazja.