Il-Ministru għall-Ambjent, indika li fil-ġimgħat li ġejjin se jibda l-infurzar tal-liġijiet dwar il-ħruġ tal-iskart domestiku.
Mingħajr ma kkommetta ruħu b’data preċiża, Jose Herrera qal li l-infurzar se jibda’ fil-futur qrib u għalkemm dan għad irid jiġi diskuss internament, hu tal-parir li dan jibda’ jsir wara li jgħaddu l-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena.
L-infurzar se jseħħ permezz ta’ multi li jingħataw lill kull min jinqabad joħroġ l-iskart f’ħinijiet jew ġranet żbaljati. Iżda d-dettalji ta’ kif se jkun jista’ jsir dan għadhom mhumiex ċari.
Mhux ċar, per eżempju, jekk uffiċjali hux se jkunu qed jiftħu l-boroż biex jaraw li l-iskart qed jiġi sseparat kif suppost.
Dawn il-multi se jkunu qed jidħlu fis-seħħ wara li ftit tal-ġimgħat ilu bdiet titħaddem l-iskema tal-ġbir tal-iskart organiku….skema li fi kliem il-ministru stess il-poplu ma kienx lest għaliha.
L-iskema li minkejja l-intenzjonijiet tajba tagħha, ġabet magħha taħwid u skariġġ kif ukoll konfużjoni fost iċ-ċittadini. Dan kollu riżultat tal-mod mgħaġġel li ddaħlet hekk kif il-Gvern inqabad f’paniku minħabba li jinsab lura ferm milli jilħaq il-miri tal-Unjoni Ewropea dwar l-immaniġġjar tal-iskart.
//= $special ?>