Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, warrbet l-alternattivi għall-ftehim tagħha li jirrigwarda l-ħruġ tal-pajjiż mill-Unjoni Ewropea ( Brexit). Dan waqt li hi ħeġġet lid-deputati parlamentari f’Londra biex ‘jaħsbuha darbtejn’ dwar il-konsegwenzi li jridu jġorru l-kostituwenti f’każ li huma jivvutaw kontra l-ftehim attwali.
Theresa May, li qed tattendi s-summit tal-G20 fl-Arġentina, ċaħdet għall-possibbiltà li r-Renju Unit, ‘il quddiem, javvanza lejn ftehim ‘fuq stil tan-Norveġja’ mal-UE, bħalma qed iħeġġu wħud mid-deputati mal-Partit Konservattiv fil-Gvern.
Hi sostniet li l-premessa partikulari ‘mhix aċċettabbli’ għaliex tippermetti għat-tkomplija tal-moviment ħieles fir-Renju Unit.
Il-Partit Laburista Britanniku fl-Oppożizzjoni qiegħed jhedded li jopponi l-ftehim ta’ May għall-Brexit waqt il-vot kruċjali li jittieħed fil-House of Commons (Parlament) ta’ Londra, fil-11 ta’ Diċembru.
Hu mistenni li d-deputati fil-House of Commons, dakinar, jivvutaw biex jiċħdu l-ftehim għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u, miegħu, il-pjan għall-ftehim kummerċjali tal-futur li sar qbil dwaru mal-Unjoni.
Intant, Theresa May, waqt intervista lill-BBC, irrifjutat li tiċħad il-possibbiltà ta’ ‘tieni vot’ fil-House of Commons f’każ li d-deputati jgħidu ‘le’ fil-vot ippjanat għax-xahar id-dieħel. Hi temmen li tista’ xorta tirbaħ il-vot tal-11 ta’ Diċembru minkejja l-oppożizzjoni ċara kontra l-ftehim mal-UE dwar il-Brexit
Intant, xi deputati fil-Parlament qed jippruvaw jiġġeneraw l-appoġġ għall-għażla magħrufa bħala ‘Norway Plus’ u li jemmnu li għandha tirbaħ l-approvazzjoni mill-Parlament ta’ Londra.
Taħt dan il-pjan, il-ftehim attwali għall-Brexit għandu jkun onorat, waqt li r-Renju Unit jipprova jissieħeb fil-European Free Trade Association (EFTA) — li kien jifforma parti minnha qabel, fl-1973, issieħeb fil-Komunità Ekonomika Ewropea ( kif, dak iż-żmien, kienet magħrufa l-UE) – fuq bażi indefinittiva.
F’każ ta’ qbil fost il-membri eżistenti tal-EFTA – l-Iżvizzera, in-Norveġja, Liechtenstein u l-Iżlanda – is-sitwazzjoni potenzjali tippermetti biex ir-Renju Unit iżomm l-isħubija fl-unjoni doganali waqt li jibqa’ ikollu access sħiħ għas-suq komuni. Iżda May qed tgħid li ftehim bħal dan ma jattwax il-wiegħda, skont il-vot tal-2016 għall-Brexit, biex ir-Renju Unit jieħu lura l-kontroll tal-fruntieri, il-liġijiet u l-finanzi tiegħu.
//= $special ?>

