Sport Waterpolo

Valletta United iħabbru lil Sasa Misic għall-istaġun li ġej

L-ambizzjoni ta’ Valletta United li jkunu aħjar mill-istaġuni passat kompliet tieħu forma hekk ħabbru lil Sasa Misic bħala t-tieni barrani tagħhom. Misic li għandu 31 sena hu kważi żewġ metri twil u fil-preżent qed jilgħab bħala attakkant ma’ Miskolc fl-Ungerija.

Il-Montenegrin għamel id-debutt mat-tim nazzjonali fl-2009 iżda wara għażel li jilgħab mat-tim nazzjonali tal-Maċedonja. Lejn tmiem l-2012 Misic reġa’ għażel li jilgħab mal-Montenegro. Minn dak iż-żmien hu kien parti mit-tim li fl-2013 spiċċa t-tieni fil-Kampjonat tad-Dinja f’Barcelona u fil-Kampjonat Ewropew f’Belgrad fl-2016, kif ukoll kien parti mit-tim Montenegrin li spiċċa r-raba’ fl-aħħar Olimpjadi f’Rio.

Hu kien parti wkoll mit-tim nazzjonali tal-Montenegro li pparteċipa fl-aħħar Kampjonat Ewropew f’Barcelona fejn anki skorja żewġ gowls. Fl-aħħar ġimgħat il-Beltin akkwistaw lil Peter Borg mingħand San Ġiljan u lil Miguel Zammit mingħand Neptunes. Minbarra Misic, Valletta diġà ħabbru lir-Russu Dimitri Kholod bħala l-plejer barrani ieħor.