F’Pariġi saru aktar dimostrazzjonijiet min-nies li qegħdin jipprotestaw dwar iż-żidiet fil-prezz tal-fuel, u meta mill-ġdid kien hemm numru ta’ inċidenti vjolenti.
Dan, fil-fatt, kien it-tielet tmiem il-ġimgħa konsekuttiv ta’ protesti organizzati mill-moviment tad-dimostranti magħrufa bħala ‘tal-ġgieget sofor’ — b’uħud min dawn igaraw iż-żebgħa safra lejn il-pulizija li wieġbu bil-gass tad-dmugħ. L-aħħar rapporti rreferew għal għexieren ta’ arresti waqt il-konfronti fil-kapitali.
Fl-aħħar ġimgħat, eluf ta’ Franċiżi ħarġu fit-toroq bi protesta għall-prezz tal-fuel u ‘għall-ispejjeż tal-għajxien eżaġerati’ fil-pajjiż.
Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron tenna, aktar kmieni fil-ġimgħa, li hu mhux se jwarrab it-taxxa fuq il-fuel li fissirha bħala parti mill-istraġija futura tal-pajjiż biex jikkumbatti l-global warming.
Filwaqt li Macron sostna li hu ‘miftuħ għall-ideat’ dwar kif din it-taxxa għandha tkun applikata, il-kumment ma jidhirx li serraħ ras il-poplu, b’ħafna Franċiżi qed jgħidu li ‘hu ma jifhimx il-weġgħat u l-ansjetà taċ-ċittadin komuni’.
Fl-aħħar inċidenti, il-pulizija f’Pariġi għamlu li setgħu biex irażżnu lid-dimostranti li kienu qed jippruvaw ikissru l-barrikati tas-sigurtà li ttellgħu fl-inħawi. L-aħħar sigħat fil-kapitali Franċiża kienu karatterizzati b’tensjoni kbira, meta xi gruppi tad-dimostranti xtaqu li jipprotestaw fil-paċi u bi gruppi oħrajn juru biċ-ċar li kienu lesti għall-konfronti mal-pulizija.
//= $special ?>

