Il-Viċi Kap tal-PN David Agius jisħaq li trid tintrefa’ responsabbiltà
“Qaluli li offrewlhom ħafna ħafna ħafna flus u affarijiet”.
Hekk allega l-mexxej tal-Alleanza Bidla Ivan Grech Mintoff waqt il-programm Exodus fejn spjega li fid-19 ta’ Novembru li għadda, Gafà mar il-Libja biex jiltaqa’ mal-Libjani li se jixhdu f’każ dwar ħruġ ta’ Visas mediċi lil-Libjani.
Rapporti internazzjonali kienu sostnew li Malta kienet ħarġet ‘il fuq minn 80,000 Visa lil-Libjani sabiex jaċċessaw iz-zona Schengen, u li fosthom potenzjalment kien hemm kriminali u terroristi.
Grech Mintoff allega li matul iż-żjara tiegħu Gafa offra lix-xhieda dak li ddeskriva bħala ħafna ħafna u ħafna flus bil-patt u kundizzjoni li ma jixhdux kontrih.
Għall-kuntrarju, Neville Gafa fl-aħħar jiem iddikjara li ż-żjara tiegħu kienet waħda privata, u mhux fuq xogħol tal-Gvern, għalkemm il-Ministeru tal-Intern fetaħ investigazzjoni.
Sabiex jidħlu fil-Libja lil Gafa u sieħbu nħarġitilhom Visa bir-raġuni mogħtija tkun żjara lill-Ambaxxata Maltija fil-pajjiż … liema ambaxxata tinsab temporanjament magħluqa.
Sadattant Grech Mintoff iddikjara li x-xhieda ddikjaraw miegħu li interpretu ta’ Gafà talabhom ħafna flus sabiex jakkwistaw il-Visas bil-barka u fil-preżenza tal-istess Gafà. Dwar dan il-każ għaddej każ fil-Qorti fejn intlaqgħet talba li jixhdu x-xhieda Libjani.
Grech Mintoff saħaq li x-xhieda “qed jgħidu li f’isem Neville Gafà, Garsalla (l-interpretu), talabhom għall-flus, għall-visas u għall-kura fil-preżenza ta’ Neville Gafà”.
Ivan Grech Mintoff sostna li f’wieħed mir-ritratti tal-vjaġġ tiegħu fil-Libja, Gafà jidher fil-kumpanija ma’ mill-inqas wieħed mix-xhieda li jridu jinżlu Malta sabiex jixhdu dwar l-allegati għexieren ta’ eluf li kien jitlob Gafà sabiex jinħarġu l-Visas Mediċi.
Huwa saħaq li apparti r-ritratti hemm ukoll filmati ta’ din il-laqgħa kif ukoll affidavit iffirmat minn 13-il persuna li kellhom bzonn il-kura f’Malta u ġew mkeċċija minn pajjiżna l-għaliex ma ħalsux lil Neville Gafà sabiex jinħarġulhom il-Visas Mediċi.
“Neville Gafà offrielhom li jiġu Malta u jieħdu l-kura li suppost ħadu sentejn u nofs ilu u ġiet miċħuda għax ma ħalsux il-flus għaliha u tkeċċew minn Malta għax ma ħalsux il flus għaliha”.
Intant il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius sostna li jekk inhu minnu milli kien qed jiżvela Grech Mintoff – Neville Gafà kkommetta reat gravi.
David Agius sostna li jekk Ivan Grech Mintoff qed jgħid il-verità qed jistenna lill-maġistrat li jiġi informat b’dan il-każ, “nistenna li l-Pulizija jagħmlu xogħlhom u nistenna lill-Prim Ministru jieħu azzjoni għax hemm ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fuq dan kollu”.
Huwa kkonkluda jgħid li jew Ivan Grech Mintoff jew jew Neville Gafà għandhom jirrispondu għal dawn l-allegazzjonijiet.

