Jissoktaw l-azzjonijiet industrijali li ġew ordnati mit-Taqsima Ħaddiema tal-Gvern fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers fid-Dipartiment tal-Probation.
Id-direttivi daħlu fis-seħħ fis-26 ta’ Novembru li għadda u se jitkomplew mit-Tnejn li ġej.
Fi stqarrija ntqal li t-Taqsima saħħet din id-deċizzjoni minħabba d-dewmien esaġerat min-naħa tal-amministrazzjoni, kif ukoll min-naħa tal-Industrial Relations Unit (IRU) sabiex id-dokument dwar il-ftehim kollettiv jiġi konkluż.
B’din id-deċiżjoni, il-UĦM qed turi diżappunt kbir għall-mod kif qed jiġu trattati n-negozjati fil-konfront ta’ dawn il-ħaddiema fi ħdan id-Dipartiment.
Fl-istess stqarrija intqal li fid-dawl ta’ dan kollu u wara li sar kull tentattiv sabiex din is-sitwazzjoni tiġi solvuta madwar il-mejda tan-negozjati, l-amministrazzjoni ma ħalliet l-ebda triq oħra lil din it-Taqsima ħlief li tordna azzjonjiet industrijali. Il-ħaddiema li jaħdmu ġewwa dan id-dipartiment ġew ordnati biex ma jsir l-ebda tip ta’ komunikazzjoni li tinkludi emails, ittri, telefonati bil-mowbajls, telefonati bit-telefown, u faxes fost l-oħrajn.
Dan apparti li ma jsirux aktar min 5 kazi mis-Seniors Probation Officers, ma jsirux aktar min 15-il każ mill-Probation Officer u dawk il-ħaddiema li qegħdin fuq reduced hours jaħdmu ammont ta’ każijiet bi pro-rata. It-Taqsima ma teskludix li tħarrax dawn l-azzjonijiet kemm il-darba ma tingħatax l-attenzjoni meħtieġa lil din is-sitwazzjoni u l-amministrazzjoni ddum ma tiġi bid-dokument konkluż.
//= $special ?>