Internazzjonali

Imut George Bush Snr fl-eta` ta’ 94 sena

Kmieni dalgħodu tħabbret il-mewt tal-eks President Amerikan George Bush.

Kien ibnu, George W Bush illi permezz ta’ stqarrija minn Dallas wassal din l-aħbar f’isem ħutu.

George Bush Snr kellu 94 sena, u kien il-41 President tal-Istati Uniti.

Mal-Maltin Bush jibqa’ sinonimu mal-jum li fih kien f’pajjiżna biex isir il-ftehim ta’ waqfien mill-Gwerra Bierda mal-Unjoni Sovjetika. U żgur li jibqgħu ttimbrati f’moħħ kulħadd ir-ritratti ta’ Bush u Gorbachev flimkien, fi tmiem is-summit f’Malta.

Fil-fatt kien eżatt bħal-lum 29 sena ilu, fl-1989, meta l-Prim Ministru Malti Eddie Fenech Adami kien qed jistenna l-wasla importanti ta’ dawn iż-żewġ mexxejja. Is-summit kien sar fil-jumejn ta’ wara, it-2 u t-3 ta’ Diċembru.

Il-Malta Summit kien sar ġimgħat biss wara l-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin.