Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Jirriżenja Ministru ieħor minħabba l-ftehim għall-Brexit

Sam Gyimah irriżenja minn Ministru għax-Xjenzi u l-Universitajiet fejn qal li tilwima dwar l-involviment tar-Renju Unit fis-sistema tal-Galileo (għan-Navigazzjoni Globali bis-Satellita) tal-Unjoni Ewropea uriet li r-Renju Unit ‘se jitlef bil-kbir’ fin-negozjati dwar il-ftehim għall-Brexit.

Ir-riżenja ta’ Gyimah kienet ikkonfermata wara li l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li pajjiżha qed jirtira mill-Galileo.

Għalkemm ir-Renju Unit ried li jibqa’ jifforma parti mis-sistema, l-UE sostniet li dan il-pajjiż għandu jkun ipprojbit minn xi ‘elementi tas-sigurtà’ ta’ dan il-proġett. Intant, Gyimah tenna li dan l-atteġġjament (mill-UE) qed jindika ‘it-tip tan-negozjati brutali li l-Britanniċi jridu jaraw fil-futur’.

Sam Gyimah hu l-għaxar membru tal-Gvern li rriżenja dwar il-Brexit u fejn għamilha ċara li, bħala deputat, beħsiebu jivvota kontra l-ftehim ta’ May ma’ Brussell. Hu, fl-istess ħin, qed isejjaħ biex isir tieni referendum dwar il-futur tar-Renju Unit.