Futbol Sport

Maurizio Zamparini jħabbar li sab il-bejgħ tal-klabb tas-Serie B Palermo

Il-klabb ta’ Palermo nbigħ lill-kumpanija bbażata f’Londra għal €10 biss wara li l-istess sid ta’ Palermo ta l-aħbar. Hu qal li sab il-bejgħ tal-klabb bi prezz simboliku.

Zamparini li għandu 77 sena kien sar sid ta’ Palermo fl-2002 u s-sena l-oħra rriżenja minn President madankollu s-sostitut tiegħu rriżenja hekk kif in-negozjati tal-bejgħ waqgħu. Zamparini jibqa’ magħruf għat-total ta’ 45 bidla fil-kowċ li għamel fil-perjodu li dam bħala sid tal-klabb.

Il-veteran Taljan qal li hu mdejjaq li finalment se jitlaq iżda qed jaħseb fuq il-futur tal-klabb. Hu saħaq li għal ftit żmien kien l-għan tiegħu li jsib lil xi ħadd ikompli x-xogħol tiegħu b’aktar saħħa finanzjarja li hu ma kienx kapaċi jagħmel aktar.

Meta Zamparini ħa t-tmexxija, Palermo kienu ilhom ma jkunu fis-Serie A għal 30 sena. Huma rritornaw fl-ogħla diviżjoni Taljana fl-istaġun 2004/2005 u kkompetew ħames darbiet fil-UEFA Cup u l-UEFA Europa League. Matul din l-era ta’ Zamparini, Palermo kellhom diversi plejers ta’ kwalità fosthom Javier Pastore, Edinson Cavani u Paulo Dybala.

Huma kienu relegati għas-Serie B fl-istaġun 2013/2014 u rritornaw immedjatament iżda reġgħu kienu relegati fl-istaġun 2016/2017. Palermo bħalissa jinsabu tliet punti vantaġġ f’ras il-klassifika tas-Serie B.