Terremot qawwi, f’Alaska, li rreġistra 7.0 fuq l-Iskala Richter, ikkaġuna paniku kbir fost ir-residenti, b’ħafna nies jaħarbu mill-bini fost il-biża’ dwar ‘l-effetti fatali’. Fl-agħar ħinijiet tħabbar ukoll allert għat-tsunami għaz-zoni tal-Alaska qrib il-kosta u li kien irtirat ftit tal-ħin wara.
L-epiċentru tat-terremot kien f’zona ħdax il-kilometru lejn it-Tramuntana ta’ Anchorage, li hi l-akbar belt fl-Istat ta’ Alaska. F’Anchorage qed jgħixu madwar 300,000 resident, b’għexieren ta’ eluf oħra għandhom ir-residenzi fil-madwar.
Intant, it-terremot kbir kien segwit b’għexieren ta’ theżżiż sekondarji iżda ma daħlux rapporti dwar xi vittmi. L-awtoritajiet, ‘il quddiem, irtiraw it-twissija dwar it-tsunami potenzjali għar-reġjun ta’ Cook Inlet u l-peniżola ta’ Kenai.
Min-naħa tiegħu, il-Gvernatur ta’ Alaska, Bill Walker, ħareġ dikjarazzjoni ta’ diżastru u qal li qed ikollu l-kuntatti diretti mal-White House ta’ Washington biex jaġġornahom dwar is-sitwazzjoni.
Walker sostna li l-awtoritajiet ta’ Alaska qed jikkoordinaw mal-iskwadri lokali għall-emerġenzi biex jaċċertaw is-sigurtà tal-poplu. Dan meta mal-10,000 resident ta’ Alaska spiċċaw mingħajr dawl, fost rapporti li ‘krollaw ta’ lanqas pont u diversi bini’.
//= $special ?>

