Futbol Sport

Arsenal jegħlbu lil Tottenham f’logħba mill-isbaħ

(Ritratt: EPA)
Rebħa drammatika għal Liverpool; Chelsea jirritornaw għar-rebħ

Arsenal laħqu lil Tottenham bi 30 punt fil-klassifika meta rebħu wieħed mid-derbies ta’ Londra 4-2 fl-Emirates Stadium, f’dak li hu meqjus bħala wieħed mill-isbaħ logħbiet bejn dawn it-tnejn fl-aħħar snin. Arsenal fetħu l-iskor wara biss għaxar minuti meta ngħataw penalty wara li Jan Vertonghen mess il-ballun b’idu fil-kaxxa minn korner. Mill-11-il metru Pierre-Emerick Aubameyang.

Tottenham ġabu d-draw man-nofs siegħa b’daqqa ta’ ras brillanti ta’ Eric Dier fuq l-ewwel lasta minn free-kick bix-xellug. Dan il-gowl wassal għal argumenti bejn iż-żewġ settijiet ta’ plejers wara li Eric Dier deher isikket il-partitarji ta’ Arsenal. It-tim ta’ Pochettino saħansitra mar minn fuq erba’ minuti wara li r-referee Mike Dean ordna penalty għal dak li ġġudika fawl ta’ Stephan Lichtsteiner fuq Heung-Min Son. Mill-11il metru Harry Kane għeleb lil Bernd Leno.

Iżda Arsenal ġabu d-draw fil-55 minuta f’azzjoni maħduma bi tliet passaġġi. Hector Bellerini tefa’ ballun fit-tul mal-art lejn is-sostitut Aaron Ramsey li kompla mill-ewwel lejn Pierre-Emerick Aubameyang li wkoll mill-ewwel ssammar il-ballun wara Hugo Lloris.

Il-Gunners marru minn fuq għat-tieni darba kwarta mit-tmiem b’xutt preċiż fil-baxx minn barra l-kaxxa ta’ Alexandre Lacazette, biex żewġ minuti wara t-tim ta’ Emery skorja r-raba’ gowl meta Lucas Torreira rċieva passaġġ vertikali li fetaħ id-difiża avversarja u minn qagħda tajba għeleb lil Loris.

F’partita oħra missielta, Liverpool kisbu rebħa prezzjuża meta rebħu d-derby ta’ Merseyside 1-0 b’gowl fl-aħħar sekondi tal-logħba. B’hekk huma saħħew it-tieni post u baqgħu żewġ punti taħt Manchester City.

Il-gowl rebbieħ wasal ftit aktar minn minuta fuq il-ħin regolamentari. Kien ballun fit-tul ta’ Trent Alexander Arnold, id-difiża ta’ Everton biegħdet parzjalment il-periklu, bil-ballun jispiċċa għand Virgil van Dijk li għolla siequ. Il-ballun deher niżel fuq il-mimduda, bil-gowlkiper ta’ Everton Jordan Pickford jagħżel li jipprova jaħtaf il-ballun flok jitfgħu f’korner. Il-ballun reġa’ ħabat mal-mimduda u pront kien hemm is-sostitut Divock Origi li skorja bir-ras mill-qrib.

Chelsea rritornaw għar-rebħ meta rebħu derby ta’ Londra, kontra Fulham 2-0, f’dik li kienet l-ewwel telfa għal Claudio Ranieri fit-tmexxija ta’ Fulham.

It-tim ta’ Sarri fetaħ l-iskor wara erba’ minuti meta N’Golo Kante rebaħ ballun f’nofs il-grawnd, avvanza u qassam fil-kaxxa lejn Pedro Rodriguez li b’finta ġibed għan-nofs u skorja b’xutt fil-baxx. Chelsea għalqu l-logħba fit-82 minuta b’Eden Hazard iqassam mill-kaxxa fuq il-lemin lejn Ruben Loftus-Cheek li skorja b’xutt b’saħħtu fuq il-ġirja.

Klassifika wara l-14-il ġurnata: Manchester City 38 punt, Liverpool 36 punt, Chelsea 31 punt, Arsenal 30 punt, Tottenham 30 punt, Everton 22 punt, Manchester United 22 punt, Leicester 21 punt, Bournemouth 20 punt, Watford 20 punt, Brighton 18-il punt, Wolves 16-il punt, West Ham 15-il punt, Crystal Palace 12-il punt, Newcastle United 12-il punt, Cardiff 11-il punt, Huddersfield 10 punti, Southampton 9 punti, Burnley 9 punti, Fulham 8 punti