Futbol Sport

Domoraud ipoġġi lil Ħamrun Spartans mal-aħħar 16

(Ritratt: Domenic Aquilina)

FLORIANA……………….. 0   ĦAMRUN S……………….. 1

Floriana: I. Akpan, A. Cini, C. Failla, E. Ruiz, M. Saleh, E. Marcelina, C. Borg (D. Grima 83’), S. Pisani, J. Cabral, M.  Vella (D. Agius 46’), I. Varela (G. Galesic 55’)

Ħamrun: M. Bartolo, K. Micallef, M. Gauci, O. Nikolopoulos, E. Pepe, T. Caruana, A. Monticelli, S. Nayar, K. Tulimieri (B. Schembri 89’), Calil, W. Domoraud

Imwissija: E. Pepe 2’ (F), I. Varela 33’ (F), K. Tulimieri 66’ (Ħ), S. Nayar 90’ (Ħ)

Skorja: W. Domoraud 31’ (Ħ)

Referee: Alan Mario Sant

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Chris Francalanza

Fl-iktar logħba meqjusa bilanċjata mis-sittax-il waħda tat-tielet rawnd tal-FA Trophy, Ħamrun Spartans rebħu b’gowl fl-ewwel taqsima u eliminaw lil Floriana.

L-Ispartans kienu iktar attivi fl-attakk u kisbu meritatament il-kwalifikazzjoni biex b’hekk il-kowċ Giovanni Tedesco ħalla lill-konnazzjonal tiegħu l-avversarju tal-ġurnata Guido Ugolotti jiġri wara l-ewwel rebħa kemm ilu li ħa f’idejh it-tmexxija ta’ Floriana tliet ġimgħat ilu.

Ħamrun fetħu fuq l-attakk u wara għaxar minuti Ħamrun kienu mċaħħda mill-gowl mill-gowlkiper Furjaniż Ini Aktpan li salva tajjeb il-free-kick tal-eks Sebastian Nayar.

Il-gowl deċiżiv wasal man-nofs siegħa logħob meta minn kross mil-lemin ta’ Sebastian Nayar, WILFRIED DOMORAUD għola ferm tajjeb biex antiċipa lil Alex Cini u b’daqqa ta’ ras b’saħħitha tefa’ fix-xibka għall-ewwel gowl tiegħu bil-flokk Ħamruniż. Ir-reazzjoni Furjaniża ma tkunx biżżejjed biex jinkwetaw lill-Ħamrunżi u resqu qrib minn free-kick ta’ Clayton Failla li jmur għoli.

B’dan ir-riżultat iż-żewġ timijiet irrepetew dak li għamlu s-sena l-oħra hekk kif Floriana reġgħu weħlu f’dan l-istadju bħalma ġralhom l-istaġun li għadda, filwaqt li Ħamrun reġgħu kkwalifikaw għar-raba’ rawnd f’Jannar li fih issa se jilagħbu kontra Birkirkara.