Futbol Sport

Illum jitilgħu l-poloz tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew

Illum f’12.00pm f’Dublin jitilgħu l-poloz tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-2020. B’kollox se jkun 55 nazzjon li se jinqasmu f’ħames gruppi ta’ sitt timijiet u ħames gruppi ta’ ħames timijiet. Is-sitt gruppi tas-seeding kienu finalizzati wara l-konklużjoni tal-logħbiet mill-UEFA Nations League.

Malta tinsab fis-sitt grupp fil-poloz flimkien mal-Latvja, Liechtenstein, l-Andorra u San Marino u ma jistgħux jiltaqgħu kontra l-erba’ semifinalisti tal-UEFA Nations League jiġifieri l-Iżvizzera, il-Portugall, l-Olanda u l-Ingilterra.

Il-logħbiet se jintlagħbu bejn Marzu u Novembru tas-sena d-dieħla, b’żewġ logħbiet f’Marzu, Ġunju, Settembru, Ottubru u Novembru.

L-ewwel żewġ timijiet mill-għaxar gruppi jikkwalifikaw għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew fl-2020. L-erba’ postijiet l-oħra jkunu deċiżi bil-play-offs li se jsiru f’Marzu tal-2020.

Fihom se jipparteċipaw in-nazzjonijiet li rebħu l-gruppi tal-UEFA Nations League. Jekk xi nazzjon li rebaħ grupp tan-Nations League jikkwalifika mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni, fil-play-offs jidħlu dawk li ġew warajhom fil-grupp tan-Nations League.

Grupp tal-UEFA Nations League: *l-Iżvizzera, *il-Portugall, *l-Olanda, *l-Ingilterra

Grupp 1: il-Belġju, Franza, Spanja, l-Italja, il-Kroazja u l-Polonja

Grupp 2: il-Ġermanja, l-Iżlanda, *il-Bożnja, *l-Ukrajna, *id-Danimarka, *l-Iżvezja, ir-Russja, l-Awstrija, Wales u r-Repubblika Ċeka

Grupp 3: Slovakkja, it-Turkija, l-Irlanda, l-Irlanda ta’ Fuq, *l-Iskozja, *in-Norveġja, *is-Serbja, *il-Finlandja, il-Bulgarija u l-Iżrael

Grupp 4: l-Ungerija, ir-Rumanija, l-Albanija, il-Montenegro, Ċipru, l-Estonja, is-Slovenja, il-Litwanja, *Georgia

Grupp 5: *il-Maċedonja, *il-Kosovo, *il-Belarus, il-Lussemburgu, l-Armenja, il-Kazakhstan, il-Moldova, Ġibiltà u l-Gżejjer Faroe

Grupp 6: il-Latvja, Liechtenstein, Andorra, Malta u San Marino

*Diġà kisbu post fil-play-offs wara li rebħu grupp tal-UEFA Nations League