Sorsi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija kkonfermaw li Konrad Mizzi u Keith Schembri jaqgħu fil-mira tal-investigazzjoni kriminali ta’ 17 Black.
Dan meta l-Prim Ministru Joseph Muscat jibqa’ jsostni li l-kumpanija 17 Black qiegħda tiġi nvestigata, u mhux nies fil-Gvern tiegħu.
Min-naħa tagħhom, is-sorsi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija spjegaw li l-battibekki dwar jekk Konrad Mizzi u Keith Schembri humiex qed jiġu investigati huma biss logħob bil-kiem u li l-Pulizija qiegħda taħdem biex tistabbilixxi l-fatti kollha fil-każ.
Qalu wkoll illi l-fatt li hemm nies esposti għall-politika li jaqgħu fil-mira tal-inkjesta, mhuwiex ideali biex titmexxa inkjesta daqshekk delikata.
Ix-xahar illi għadda ġie żvelat illi s-sid ewlieni tal-kumpanija 17 Black huwa wkoll wiehed mis-sudien ta-powerstation il-ġdida li swiet 450 miljun ewro.
17 Black hija l-kumpanija li kienet ser tkun qed tgħaddi 150,000 ewro kull xahar lil Hearnville u Tillgate, li huma l-kumpaniji fil-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Is-sorsi spjegaw kif bħalissa l-investigazzjoni kriminali qed tiffoka fuq is-sidien tal-kumpanija u li ser tkun qed tinvestiga r-rabtiet maż-żewġ min-nies li huma esposti għall-politika jiġifieri l-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi u c-Chief of Staff Keith Schembri.
Minkejja dan kollu, il-Prim Ministru Joseph Muscat jibqa’ jinsisti li l-inkjesta hi dwar 17 Black u mhux fuq Keith Schembri u Konrad Mizzi.
//= $special ?>