Sport

Marino Bartoletti u l-Lotta fid-disa’ programm Sport Extra

Marino Bartoletti intervistat minn Charles Camenzuli

Illum mis-6.05pm ‘l quddiem jixxandar id-disa’ programm Sport Extra bi produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Charles Camenzuli.

Fl-ewwel parti tal-programm tema għal kollox differenti. L-isport fil-letteratura fejn fil-ġranet li għaddew, Charles Camenzuli intervista lill-ġurnalist tal-isport ta’ fama internazzjonali Marino Bartoletti b’rabta maż-żewġ kotba tiegħu “Bar Toletti – così ho digerito Facebook” li jiġbru fihom artikli b’laqta personali ma’ personalitajiet u episodji marbuta mal-karriera fl-isport.

Intervista wkoll ma’ Antonella Biscardi, bint l-ideatur ta’ Processo del Lunedì Aldo Biscardi, li fil-ġranet li għaddew nediet ukoll ktieb bl-isem “Pezzi di noi.”

Fit-tieni parti tal-programm, enfażi dwar it-tim nazzjonali Malti tal-Lotta u s-suċċessi miksuba fil-British Open Championships. Intervisti mal-kowċ nazzjonali Jesmond Giordimaina u mal-lottaturi Gary Giordimaina, Nigel Vella u Andrew Azzopardi.

Il-muntaġġ tas-servizzi fil-programm sar minn Samira Cachia Spiteri filwaqt li l-filmati ttieħdu minn Keith Mizzi u Noel Zammit.