Iż-żagħżugħ Libjan ta’ 26 sena Akram Ạlmsẖạy, li tilef ħajtu waqt il-ħin tax-xogħol fi tmiem ix-xahar li għadda, indifen f’pajjiżu.
Net News jinsab infurmat li kienet ix-xewqa tal-familja tiegħu li l-ġisem ta’ Akram jittieħed lejn pajjiżu fejn saret id-difna b’rit tradizzjonali f’ċerimonja li għaliha attenda grupp imdaqqas ta’ persuni li tawh l-aħħar tislima.
Akram miet fis-26 ta’ Novembru, meta inċident waqt li kien qed jaħdem bl-armar tal-pont wassal biex waqa’ seba’ sulari f’sit ta’ kostruzzjoni wara ħin imdendel jissielet għal ħajtu.
Immedjatament infetħet inkjesta maġisterjali li għandha tistabbilixxi x’seħħ f’dan l-inċident fatali, bil-katavru ta’ Akram li nħeles għad-difna wara l-eżamijiet li saru fuqu.
Sadattant Net News għamel kuntatt mal-Awtorità Maltija għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol li kkonfermatilna li qed tikkollabora mal-awtoritajiet dwar dan il-każ.
Il-Kap Eżekuttiv Mark Gauci spjega li, kif mitlub mill-liġi, l-OHSA qed tikkolabora wkoll mal-Inkjesta Maġisterjali li nħatret f’dan il-każ.
Akram ħalla warajh mhux biss lit-tfajla tiegħu imma wkoll lil bintu warajh, minbarra x-xokk fost il-komunità Libjana u dawk kollha li kienu jafuh bħala bniedem mill-aħjar u li kien iħobb lil kull min jiltaqa’ miegħu.
//= $special ?>