Futbol Sport

Arjen Robben iħabbar se jħalli lil Bayern Munich

Arjen Robben ħabbar li se jħalli lil Bayern Munich fi tmiem l-istaġun wara għaxar snin mal-klabb Ġermaniż. Il-plejer ta’ 34 sena ngħaqad ma’ Bayern Munich mingħand Real Madrid fl-2009 u minn dakinhar rebaħ seba’ darbiet il-Bundesliga, erba’ darbiet id-DFB Pokal u ċ-Champions League.

“Nista’ ngħid li din hi l-aħħar sena ma’ Bayern u hi tajba hekk. Ħadt din id-deċiżjoni personalment li din se tkun l-aħħar sena. Naħseb li hu l-aħjar pass wara 10 snin. Il-klabb ikompli u jien inkompli wkoll. Dan hu t-tmiem ta’ perjodu twil u tajjeb ħafna,” qal Robben.

Robben skorja 98 gowl f’198 logħba fil-Bundesliga ma’ Bayern Munich. L-internazzjonali Olandiż rebaħ titli ma’ PSV Eindhoven fl-Olanda, Chelsea fl-Ingilterra u Real Madrid fi Spanja. Hu lagħab ukoll il-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2010 u żied li ma għandux pjanijiet li jirtira.