DEPIRO…………………… 83 BALKAN FUSION…………….. 70
(21-15, 21-13, 27-25, 14-17)
Balkan Fusion sofrew ir-raba’ telfa konsekuttiva meta sfaw megħluba minn Depiro 83-70 biex baqgħu ankrati fil-qiegħ tal-klassifika. Huma kellhom xi plejers neqsin u naqsu li jżommu mar-ritmu tajjeb li kellhom fil-bidu. Għal Depiro spikka Nygard li kiseb 31 punt filwaqt li Vasovic kien l-aħjar plejer ta’ Balkan Fusion b’27 punt.
Balkan Fusion kienu marru 12-4 fil-bidu tal-logħba, iżda wara time-out Depiro tjiebu u spiċċaw dawru l-vantaġġ għal 21-15 fi tmiem l-ewwel sessjoni. Depiro komplew fejn ħallew fil-bidu tat-tieni sessjoni u kisbu seba’ punti konsekuttivi biex kabbru l-vantaġġ għal 13-il punt. Balkan Fusion irnexxielhom jirkupraw ftit u qasmu l-logħob mal-avversarji, b’Depiro jidħlu jistrieħu b’16-il punt vantaġġ.
L-andament tal-logħba baqa’ l-istess fit-tielet perjodu, bit-tim ta’ Balkan Fusion qatt ma jagħti l-impressjoni li seta’ jidħol fil-logħba, bid-distakk fil-bidu tal-aħħar perjodu jibqa’ dak ta’ 16-il punt. Depiro kkontrollaw tajjeb fl-aħħar għaxar minuti biex rebħu mingħajr tbatija fl-aħħar minuti.
Floriana jirritornaw għar-rebħ
FLORIANA MCP……………… 75 BUPA LUXOL…………… 70
(24-20, 16-17, 20-15, 25-28)
Floriana MCP Car Parks irritornaw għar-rebħ meta ddominaw taħt il-boards biex għelbu lil BUPA Luxol 75-70. Għalihom spikka l-Belġjan Thiesen bl-għajnuna ta’ Hudson li kienu determinanti li biex taw it-tieni telfa konsekuttiva lil Luxol.
L-ewwel sessjoni kienet missielta b’Luxol jiftħu vantaġġ ta’ erba’ punti fl-ewwel ħames minuti tal-logħba. Floriana wettqu reazzjoni u mhux talli ma rkuprawx iżda bdew it-tieni sessjoni 24-20. Luxol għamlu l-iskor 26-26 iżda kienu Floriana li kisbu żewġ baskets konsekuttiva. Luxol reġgħu għamlu l-iskor indaqs iżda Floriana reġgħu marru fuq quddiem u daħlu jistrieħu 40-37.
Il-Furjaniżi kkontrollaw il-vantaġġ sa nofs it-tielet sessjoni u tmien punti mingħajr risposta għenuhom li jiftħu vantaġġ tajjeb ta’ 58-47, b’Luxol jirkupraw inaqqsu d-distakk għal 60-52. Luxol żiedu l-isforzi tagħhom fl-aħħar għaxar minuti iżda bdew jgħaġġlu fil-konklużjonijiet. Tliet minuti mit-tmiem huma tilfu lil William Alhberg u dan wassal biex ma setgħux jagħfsu biżżejjed biex jippruvaw jirbħu l-pussess fl-aħħar minuti biex isalvaw il-logħba.
Jaċċertaw fl-aħħar sessjoni
GŻIRA ATHLETA……………. 68 HIBERNIANS………………. 79
(19-19, 12-19, 20-23, 17-18)
Wara r-rebħa kontra Luxol, Gżira Athleta pruvaw jibnu bit-tieni rebħa konsekuttiva, iżda sabu quddiemhom lil Hibernians determinati li jinsew l-ewwel telfa tagħhom. F’logħba bilanċjata li kienu ftit aħjar, Hibernians irritornaw għar-rebħ minkejja li kien Thompson ta’ Gżira Athleta li spiċċaw l-aqwa skorer tal-logħba b’29 punt.
Hibernians kisbu l-ewwel erba’ punti tal-logħba iżda Gżira Athleta wieġbu b’disa’ punti konsekuttivi. Kien imiss lil Hibernians li jkollhom mument tajjeb biex marru 19-15 minn fuq, b’Athleta jirkupraw l-erba’ punti żvantaġġ qabel ma ntemmet l-ewwel perjodu. Il-logħba baqgħet bilanċjata, b’Hibernians ikollhom punt vantaġġ, liema vantaġġ kiber għal seba’ punti sal-mistrieħ.
Hibernians ħarġu l-aħjar wara l-mistrieħu u kisbu disa’ punti mill-11-il punt sussegwenti biex fetħu vantaġġ ta’ 47-33. Ir-reazzjoni ta’ Gżira wasslet biex naqqsu d-distakk għal sitt punti. Il-Pawlisti kkontrollaw tajjeb biex bdew l-aħħar għaxar minuti b’vantaġġ ta’ 61-51. Sak dak il-ħin Athleta baqgħu jittamaw li jirkupraw iżda meta d-distakk kiber għal 68-54, l-isforzi tagħhom kienu għalxejn.
//= $special ?>