Persuni b’diżabbiltà f’pajjiżna issa se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn residenza fil-Mosta, li toffrilhom l-aqwa servizzi possibbli, b’21 kamra tas-sodda kif ukoll kmamar multi sensorjali u oħrajn rikreazzjonali inkluż b’logħob għat-tfal.
Wieħed isib ukoll ġnien kbir u saħansitra kċina mgħammra bl-aqwa apparat u bi staff professjonali li jiżguraw li l-persuni li jagħmlu użu minnha jsegwu dieti speċjalizzati.
Dan hekk kif it-Tnejn ġiet inawgurata Casa Apap Bologna … dar storika li fil-passat kienet tintuża minn Maġistrat u li issa nbidlet f’waħda mill-aqwa strutturi ta’ respite għal persuni b’diżabbiltà f’pajjiżna.
Is-servizzi offruti minn din ir-residenza kienu possibbli grazzi għall-ħidma konġunta bejn Hila Homes Limited, tal-grupp Vassallo, bi sħab mal-Aġenzija Sapport, li se toffri servizzi ta’ care workers.
Żaren Vassallo, Chairman ta’ Vassallo Group, spjega li s-sodisfazzjon ta’ dan il-proġett imur ‘lil hinn mill-profitti.
Is-servizzi ta’ din id-dar mistennija jkomplu jissaħħu fix-xhur li ġejjin, anke għaliex Care Malta, fergħa oħra tal-Grupp Vassallo se tkun qed tniedi programm intiż li jtejjeb il-ħiliet tal-care workers f’pajjiżna.
Sadattant, matul iċ-ċerimonja tal-ftuħ, ingħad li pajjiżna għad għandu 288 persuna b’diżabbiltà li għadom ma sabux impjieg.
Fl-aħħar tliet snin, numru ta’ kumpaniji ħallsu bejniethom €2.5 miljun f’multi għax ma laħqux il-kwota ta’ persuni b’diżabbiltà li jaħdmu magħhom.
//= $special ?>