Edukazzjoni Lokali

Eżekuttiv ġdid għall-SDM

Jake Scerri se jkun qed imexxi l-eżekuttiv il-ġdid tal-għaqda Studenti Demokristjani Maltin – l-SDM bi 18-il membru għat-terminu li jmiss. Keith Grima u Liam Cassar se jkunu qed jgħinuh fil-karigi tagħhom bħala Viċi President u Segretarju Ġenerali.

Wara li nħatar l-eżekuttiv issa tissokta l-ħidma b’diversi kampanji ġodda filwaqt li l-SDM se tħares ‘il quddiem sabiex tikkontesta l-elezzjoni tal-Kunsill Studenti Universitarji. Bħala eżekuttiv ġdid se jilqgħu kull sfida li se jaffaċjaw matul is-sena li ġejja, mhux biss f’elezzjonijiet iżda f’kull ħaġa li tolqot lill-istudenti kemm b’mod dirett u anke indirettament.

L-SDM saħqet illi lesta li kull meta jkun hemm bżonn, se tkun il-vuċi tal-istudenti sabiex verament tirrappreżenta u tgħin lil dawk l-istudenti kollha li jkollhom xi diffikulta jew ikunu neqsin minn xi ħaġa jew oħra.

Il-ħidma tal-SDM tissokta sabiex bħala għaqda tkompli tissaħħaħ fl-Università bil-fiduċja ta’ kull student fi ħdan il-KSU.

Apparti minn hekk, se jkomplu jaħdmu u jiffukaw fuq l-istituzzjonijiet kollha li qegħdin fihom fosthom l-ITS, l-MCAST, is-6th Form t’Għawdex, il-Junior College u l-Universita.