Lokali

F’daqqa waħda l-Ministru Farrugia jrid soluzzjoni

Il-Ministru Farrugia, wara sena ta’ diskussjonijiet... issa jrid soluzzjoni

Issoktaw l-azzjonijiet industrijali fid-Dipartiment tal-Probation li ġew ordnati mit-Taqsima Ħaddiema tal-Gvern fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers.

Fi żvilupp li kien hemm, u wara r-rapurtaġġ li netnews.com.mt għamel fi tmiem din il-ġimgħa dwar dawn l-azzjonijiet, il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia ntrabat li tinstab soluzzjoni mill-aktar fis.

Din l-istqarrija saret wara referenza min-Net News li dawn id-diskussjonijiet ilhom għaddejjin kważi sena, u li għalkemm id-dokument finali tpoġġa fuq il-mejda, f’dan l-istess dokument kien hemm dokumenti oħra nieqsa li kienu jitrattaw il-pagi tal-istess ħaddiema.

Kien għalhekk li l-UĦM uriet diżappunt kbir għall-mod kif qed jiġu trattati n-negozjati fil-konfront ta’ dawn il-ħaddiema fi ħdan id-Dipartiment u għalhekk ma kellha l-ebda triq oħra ħlief li tordna azzjonjiet industrijali. Il-ħaddiema li jaħdmu ġewwa dan id-dipartiment ġew ordnati biex ma jsir l-ebda tip ta’ komunikazzjoni li tinkludi emails, ittri, telefonati bil-mowbajls, telefonati bit-telefown, u faxes fost l-oħrajn.

Dan apparti li ma jsirux aktar min 5 kazi mis-Seniors Probation Officers, ma jsirux aktar min 15-il każ mill-Probation Officer u dawk il-ħaddiema li qegħdin fuq reduced hours jaħdmu ammont ta’ każijiet bi pro-rata.

It-Taqsima sostniet li ma teskludix li tħarrax dawn l-azzjonijiet kemm il-darba ma tingħatax l-attenzjoni meħtieġa lil din is-sitwazzjoni u l-amministrazzjoni ddum ma tiġi bid-dokument konkluż.

Intant tul din il-konferenza stampa il-Ministeru ħatar u ta’ rwol ġdid lil numru ta’ gwardjani fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li se jkollhom aktar responsabbilità biex jħarsu lil din il-faċlità u lil dawk li qiegħdin fiha.