Futbol Sport

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA japprova t-tielet kompetizzjoni Ewropea mill-2021

(Ritratt: EPA)

Mis-sena 2021 il-kompetizzjonijiet Ewropej se jerġgħu jkunu tlieta hekk kif tħabbar li se jkun hemm kompetizzjoni oħra li għalissa qed tissemma UEFA Europa League 2. Il-logħbiet tal-kompetizzjoni se jintlagħbu l-Ħamis filgħaxija u se jkun hemm 32 tim fil-grupp.

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA approva l-format u l-lista ta’ min jista’ jilgħab f’din il-kompetizzjoni l-ġdida li se ssir wara insistenza tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-klabbs. B’kollox se jkun hemm garantita l-preżenza ta’ tal-anqas 34 pajjiż fil-fażi tal-gruppi.

Il-federazzjonijiet kollha se jkollhom aċċess għat-tliet kompetizzjonijiet u l-istess kwota ta’ aċċess ta’ bħalissa. B’hekk in-numru totali ta’ timijiet fil-gruppi ta’ kompetizzjonijiet Ewropej se jitla’ għal 96 tim, u b’hekk it-timijiet fil-gruppi tal-Europa League se jinżel minn 48 tim għal 32 tim.

L-għan ta’ din il-kompetizzjoni hi li jkun hemm aktar logħob għal aktar klabbs għal aktar federazzjonijiet u b’hekk se jkun hemm aktar spazju għal federazzjonijiet żgħar. Probabbilment se jkun hemm ħin ġdid għal din il-kompetizzjoni bil-logħbiet jidher li jistgħu jintlagħbu fl-4.30pm.

Il-kompetizzjoni l-ġdida se jkollha 141 partita maqsuma fi 15-il ġimgħa ta’ logħob, eżattament bħal UEFA Europa League. Ir-rebbieħ ta’ din il-kompetizzjoni jkollu aċċess għal Europa League fl-istaġun ta’ wara. Il-finali tat-tliet kompetizzjonijiet se jsiru fl-istess ġimgħa.

Tags