Il-Fondazzjoni LifeCycle Malta tat għotja ta’ €25,000 lill-Fond ta’ Riċerka, Innovazzjoni u Żvilupp (RIDT) biex tkompli l-programm mediku speċjalizzat fir-riċerka tal-mard tal-kliewi fl-Università ta’ Malta. Il-flus kienu ngħataw lil LifeCycle minn Foster Clark Products Ltd bhala sponsor.
Waqt konferenza tal-ahbarijiet Valerie Said Conti u Esther Zammit, f’isem il-Fond tar-Ricerka, qalu li bħalissa qed jinvestigaw dak li jikkawża li t-tfal jitwieldu b’anomaliji konġenitali fil-kliewi u fl-urinary tract.
Dawn l-anomaliji, li jirriżultaw minn difetti fl-iżvilupp tal-kliewi qabel it-twelid u huma l-iktar kawża komuni ta’ mard tal-kliewi terminali fit-tfal huma meqjusa li qed jinħolqu mill-interazzjoni bejn fatturi ġenetiċi u dawk ambjentali li jinfluwenzaw il-modi ta’ żvilupp.
Ir-riċerkaturi stabbilixxew biobank tal-marda tal-kliewi ta’ kwalità għolja fl-Università ta’ Malta fejn il-kampjuni bioloġiċi minn familji tat-tfal issa huma maħżuna. Ir-riċerkaturi ħarsu lejn il-fatturi ta’ riskju potenzjali waqt it-tqala u wettqu studji bl-ultrasound fuq il-qraba viċini ta’ dawn il-persuni. Kien iddeterminat li tlett individwi minn 26 (jiġifieri 11.5%) kellhom anomalija fil-kliewi li taqbel sew mal-istorja tal-familja b’10% skont kif rrappurtata fil-letteratura tar-riċerka.
Ħadna l-kummenti ta’ Shirley Cefai illi kellmitna dwar l-avvanzi li din il-fondazzjoni tixtieq li ġġib fost l-oħrajn li r-riċerka tibqa’ għaddejja f’dan il-qasam.
Fl-istess konferenza intqal li l-LifeCycle għenet mhux ftit biex tħejji s-sisien għar-riċerka tal-kliewi f’Malta.
//= $special ?>