Lokali

Jeħtieġ soċjetà li verament jimpurtaha mill-membri tagħha

Fil-Jum Dinji ddedikat lil-Persuni b’Diżabilità, l-Partit Nazjonalista jsostni li l-akbar indikaturi ta’ kemm is-soċjetà verament jimpurta mis-saħħa tal-membri li jiffurmawha, huwa l-mod ta’ kif tħares lejn dawk li għal raġuni jew oħra jeħtiġielhom għajnuna u interventi speċjali tul ħajjithom sabiex ikunu jistgħu jħossuhom parti integra mill-komunità fejn jgħixu.

Mhux biss imma daqstant essenzjali li tali għajnuna tkun kontinwa u f’waqtha sabiex tiżgura l-aħjar riżultat.

Għaldaqstant huwa essenzjali li l-persuni b’diżabilità jiġu identifikati minn kmieni u l-interventi biex jiġu megħjuna jibdew mill-iċken etajiet kif stabbilit fiċ-charter tan-Nazzjonijiet Maqgħuda. Dan bil-għan li bħal kull individwu jingħataw kull opportunità biex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista huwa kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni minħabba xi forma ta’ diżabilità u jsostni li kull individwu għandu jingħata kull għajnuna biex jgħix ħajja indipendenti u dinjituża.

Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista jimpenja ruħu li sew mill-Oppożizzjoni kif wkoll fil-Gvern iżżomm il-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità bħala waħda mill-prijoritajiet tiegħu.