Ambjent Lokali

Jinqatel fjamingu fl-Għadira

Il-Pulizija tinvestiga d-dħul illegali fir-riserva matul il-lejl

Il-Fjamingu li kien ilu jsebbaħ ir-Riserva Naturali tal-Għadira għal dawn l-aħħar sena u nofs sparixxa mill-post nhar il-Ħamis li għadda 29 ta’ Novembru.

Ħaddiema ta’ BirdLife Malta li kienu qed jittamaw li l-għasfur probabbli ħalla s-sit fejn kien qed iqatta’ x-xitwa biex ipassi ma tawx kas sakemm ilbieraħ instab x’kien ġara verament. Waqt ronda f’parti tar-riserva li normalment ma tkunx aċċessibbli biex ma jiġux imfixkla l-għasafar, instab skartoċċ użat maġenb xi ħaxix li kien jidher ċar li ġie mirfus.

Aktar tiftix fl-inħawi wassal biex jiġi identifikat il-post minn fejn xi ħadd kien daħal fir-riserva biex jispara lill-Fjamingu.

BirdLife Malta fi stqarrija qalet illi temmen li l-għasfur protett ittieħed mis-sit minħabba li f’dan il-post instab ukoll ammont ta’ rix ta’ kulur roża.

Tul il-lejl meta seħħ il-każ, il-watchman li kien xogħol fil-post kien iċċekkja ddawra tar-riserva u dan jindika li ntuża xi forma ta’ senter b’silencer minħabba li ma nstemgħu l-ebda tiri. Sar rapport lill-pulizija u uffiċjali marru fuq il-post biex jiġbru l-evidenza sabiex ikun investigat min jista’ jkun responsabbli għal dan l-att kriminali.

Birdlife qalet illi din hija tabilħaqq ġurnata kerha għall-konservazzjoni tan-natura f’Malta minħabba
li dan l-għasfur kien ilu l-Għadira għal aktar minn sena, minn Awwissu 2017, meta kien salvat mill-bajja tal-Armier. Fil-fatt, dan il-Fjamingu kien ikkunsidrat bħala ‘resident’ tal-Għadira għax qatt ma ħalla r-riserva minn meta nħeles hemmhekk f’Settembru 2017. Fjamingu ieħor li wkoll kien inħeles miegħu fl-istess ġurnata, kien kompla bil-passa tiegħu ftit wara.