Lokali

Każ ċar ta’ network bejn Identity Malta u l-Bank Pilatus

Kien il-ġimgħa l-oħra meta l-kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Dione Borg ħareġ email allegatament mibgħuta minn Identity Malta lill-aġenti akkreditati li jbiegħu passaporti permezz tal-IIP – email li fiha kienet mibgħuta wkoll informazzjoni speċifikament fuq il-Bank Pilatus.

Fi tweġiba għal mistoqsijiet tal-gazzetta ‘The Malta Independent’, kelliem tal-OPM ikkonferma li l-Bank Pilatus verament ta preżentazzjoni lill-diversi aġenti akkreditati tal-IIP …. u l-aġenti stess aktar tard għamlu talba għal kopja tal-istess preżentazzjoni. L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li Identity Malta dejjem tat lill-banek lokali opportunitajiet indaqs – ghalkemm f’din l-email jissemma biss il-bank Pilatus.

Il-kandidat ghall-MEPs Dione Borg qed jinsisti li dan huwa każ ċar ta’ netwerk bejn Identity Malta u l-Bank Pilatus. Huwa qal li kellha tkun ir-responsabbiltà ta’ Identity Malta li ma tirrakkomandax lill-Bank Pilatus wara l-iskandli li kien involut fihom.

Il-bank, li qabel ma ngħalaq uffiċjalment f’Novembru li għadda kellu l-uffiċċji tiegħu f’Ta’ Xbiex, kien fiċ-ċentru tal-kontroversja politika minn meta kien hemm sensiela ta’ rapporti ta’ ħasil tal-flus.

F’Marzu li għadda, il-president ta‘ Pilatus, Ali Sadr ġie arrestat fl-Istati Uniti. Wara dan l-arrest, l-MFSA ffriżat l-assi tal-bank u rrakkomandat l-irtirar tal-liċenzja tiegħu. L-Awtorità Bankarja Ewropea sussegwentement sabet nuqqasijiet ġenerali u sistematiċi fl-applikazzjoni tad-direttivi kontra l-ħasil tal-flus.